Internazzjonali

L-Aquarius lura fil-Mediterran

Il-vapur Aquarius, li f’Ġunju wassal għal polemika taħraq bejn l-Italja u Malta minħabba l-immigranti li kellu abbord, l-Erbgħa ta bidu għal missjoni ġdida fil-Mediterran.

Il-vapur tal-grupp umanitarju Franċiż/Ġermaniż SOS Méditerranée telaq mill-port ta’ Marsilja fi Franza – l-għaxar missjoni fil-Mediterran din is-sena u li matulhom salva 3,000 persuna.

Frederic Penard, l-inkarigat mill-ħidma tal-SOS Méditerranée, qal li l-Aquarius kien se jkompli jsalva l-immigranti, imma eskluda totalment il-possibbiltà li dawn jittieħdu lura lejn il-Libja. L-Italja qed tirrifjuta li taċ-ċetta l-immigranti salvati mill-baħar u kien hemm polemika wara li vapur ċivili Taljan ħa lura lejn il-Libja mal-100 immigrant li kien salva.

Imma l-Gvern Taljan qal li hu ma kellux x’jaqsam għax il-ħidma kienet ikkordinata mill-Gwardja tal-Kosta Libjana.

Francis Vallat, il-president tal-SOS Méditerranée, qal li jekk kien hemm bżonn raġuni waħda għar-ritorn tal-Aqua-rius, din kienet li tul iż-żmien meta l-vapur kien nieqes barra l-kosta Libjana, kien hemm seba’ darbiet aktar imwiet mill-istess perjodu ta’ sena qabel.