Lokali

Tibdil fil-liġi li se jolqot inkwilini ta’ residenzi ġejjin minn ċnus taħt il-liġijiet l-antiki tal-kera

Daħlu fis-seħħ emendi fl-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar sabiex jiġu indirizzati l-problemi rigward il-kirjiet antiki li ġejjin minn ċnus li kienu wkoll s-suġġett ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-emendi, li mistennija jimpattaw b’mod ħażin lill-kerrejja, jipprovdu li s-sid ser ikun jista’ jagħmel talba quddiem il-Bord tal-Kera u minn hemm il-bord jgħaddi biex jagħmel test tal-mezzi lill-inkwilin. Jekk jirrizulta illi l-inkwilin m’għandux mezzi u riżorsi suffiċjenti sabiex isib akkomodazzjoni oħra, l-inkwilin ikun intitolat illi jibqa’ jirrisjedi f’dik ir-residenza suġġett għall-kundizzjoni li s-sidien jibdew jitħallsu ammont sa tnejn fil-mija tal-valur tal-proprjetà fl-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha ssir it-talba, apparti kundizzjonijiet ulterjuri li l-Bord ikun jista’ jawtorizza.

Madanakollu, jekk jirriżulta mit-test tal-mezzi li l-inkwilin għandu l-mezzi, din il-liġi ma tapplikax u l-inkwilin ikollu jħallas kera doppja u jingħata ħames snin ċans biex joħroġ mir-residenza kkonċernata.

Dawn id-dispożizzjonijiet ser ikunu applikabbli wkoll f’kull każ fejn ċens, subċens jew kirja ta’ dar ta’ abitazzjoni jkun skada minħabba deċiżjoni tal-Qorti bbażata fuq nuqqas ta’ proporzjonalità ta’ kumpens. Għaldaqstant, anke l-inkwilini illi l-qorti ikkundannathom sabiex jitilqu mill-post imma għadu ma sarx l-iżgrumbrament ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn dawn l-emendi.

Il-Gvern qal li dawn l-emendi għandhom l-għan li joħolqu bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ dar residenzjali u dawk tal-kerrej li jkun fi ħtieġa ta’ protezzjoni.