Knisja Lokali

FILMAT: Velja ta’ talb lejliet l-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Joseph Galea Curmi

Fil-knisja parrokkjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara, saret velja ta’ talb immexxija mill‑Arċisqof Charles J. Scicluna, lejliet l‑ordinazzjoni episkopali ta’ Mons. Joseph Galea‑Curmi bħala l‑Isqof Awżiljarju l‑ġdid ta’ Malta.

Waqt il‑velja, l‑Isqof Elett għamel l‑istqarrija tal‑fidi, ħa l‑ġurament tal‑fedeltà u tbierku l-baklu, il-mitra u ċ-ċurkett li se jintużaw waqt l-ordinazzjoni tiegħu.

Galea Curmi inħatar mill-Papa Franġisku bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta u nnominah Isqof Titulari. Dan ġie mħabbar nhar it-23 ta’ Ġunju 2018 f’konferenza tal-aħbarijiet min-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Alessandro d’Errico fil-palazz tal-Arċisqof fl-Imdina. In-Nunzju qal li bħala Isqof Awżiljarju, Mons. Galea Curmi huwa msejjaħ biex ikun il-kollaboratur u l-konsulent l-iżjed qrib tal-Arċisqof Charles Scicluna.

Preżenti għall-istess funzjoni f’Birkirkara kien hemm numru ta’ parruċċani u kleru li lkoll ħadmu qrib Mons. Joseph Galea-Curmi. Deskritt min-nies bħala persuna li dejjem ta ħiltu biex ikun t’għajuna, b’uħud jafuh fit-tfulija u meta kien abbati.

L-ordinazzjoni ta’ Mons Galea Curmi se ssir Sibt 4 ta’ Awwissu fil-Katidral tal-Imdina.