Sport Sport Ieħor

Andy Murray jirtira mill-Open ta’ Washington

(Ritratt: Sky Sports)

Andy Murray irtira mill-kwarti tal-finali tal-Open ta’ Washington wara li spiċċa l-logħba preċedenti matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa. Murray kellu jilgħab kontra Alex de Minaur l-għada iżda t-tliet darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam żvela li kien għajjien wisq.

“Ninsab għajjien wara li lagħbt ħafna fl-aħħar erbat ijiem, wara li ma kkompetejtx fuq courts iebsin għal 18-il xahar. Irrid ukoll li nkun attent u nisma’ minn dak li qed jirrispondi ġismi għaliex għadni ġej minn injury fit-tul,” qal Murray fi stqarrija fuq is-sit uffiċjali tal-ATP.

Hu żied li jinsab diżappuntat li mhux se jilgħab u rringrazzja lit-tournament u l-partitarji tiegħu. Hu qal li hemm ħafna pożittiv x’jieħu minn din il-ġimgħa, u qal li se jieħu ftit mistrieħ u jirkupra biex imur kmieni f’Cincinnati u jipprepara biex ikun lest.

Id-Direttur tat-Tournament Keely O’Brien żied li jinsabu grati li Andy Murray irritorna f’Washington DC biex jibda dak li hu sejjaħ bħala rimonta kbira. Hu qal li jirrispetta d-deċiżjoni tiegħu u jaf li l-prijorità kif għandha tkun hi s-saħħa tiegħu u l-proċess li jkun jista’ jirkupra.

L-Iskoċċiż ħabbar aktar kmieni li ma kienx se jieħu sehem fit-Tazza Rogers f’Toronto u li t-tournament li jmiss se jkun fit-13 ta’ Awwissu f’Cincinnati. Murray kien qed jilgħab fl-ewwel kompetizzjoni din il-ġimgħa minn meta rtira minn Wimbledon, u kellu skeda iebsa ħafna, bir-rebħ ta’ tliet logħbiet bi tliet sets, fosthom maratona kontra Marius Copil bil-logħba tispiċċa fl-4.00am.

Murray kien emozzjonat wara din ir-rebħa u qal li hi bla raġuni li titlob plejer li jispiċċa partita daqshekk tard u jkun mistenni li jilgħab il-ġurnata ta’ wara. L-Iskoċċiż qed jaħdem biex jirkupra l-aħjar forma wara operazzjoni f’ġenbu l-leminija fejn għamel 11-il xahar imweġġa’.

L-eks numru wieħed tad-dinja qal li wara dak li seħħ din il-ġimgħa ddeċieda wkoll li jirtira mit-Tazza Rogers tal-ġimgħa d-dieħla. “Sfortunatament mhux se nkun nista’ nieħu posti fil-polza f’Toronto.” Hu rringrazzja lit-tmexxija tat-tournament għall-wild card li ngħata u qal li dejjem ħa pjaċir jilgħab il-Kanada u jinsab ħerqan li jirritorna s-sena d-dieħla.

“Lagħbt ftit logħbiet din il-ġimgħa f’Washington u rrid inkun bil-għaqal fil-mistrieħ tiegħi minħabba li għadni qed nirkupra mill-injury. Il-pjan hu li mmur Cincinnati kmieni l-ġimgħa d-dieħla. Napprezza s-sapport kollu li rċevejt f’Washington, hi xi sabiħa li tirritorna tilgħab,” qal Murray.

Tags