Knisja Lokali

FILMAT: Iċ-ċelebrazzjoni kollha tal-Ordinazzjoni Episkopali tal-Isqof Awżiljarju l-ġdid

Il-missjoni tal-Isqof illum hija li jkun sinjal ċar u veru tal-preżenza ta’ Ġesu fost il-poplu tiegħu. Dan kien il-qofol tal-omelija tal-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna waqt l-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Monsinjur Joseph Galea Curmi bħala Isqof Awżiljarju.

L-Arċisqof qal li s-sejħa tal-Episkopat hu li jkun Bonus Altor: Missier Twajjeb li jmantni lil uliedu b’għożża u b’imħabba.

Hu awgura li l-Isqof il-ġdid ikun dak il-missier twajjeb li jwassal il-Bxara t-Tajba lill-fqajrin, iddewwi l-qlub miksura u jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin.

Iċ-Ċerimonja bdiet b’purċissjoni qasira mill-Palazz tal-Arċisqof sal-Katidral tal-Imdina. Jassistu lill-Arċisqof fil-konċelebrazzjoni kien hemm ukoll in-Nunzju Appostoliku l-Arċisqof Alessandro D’Errico, l-Arċisqof Emeritu ta’ Malta Mons Pawlu Cremona, L-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech u l-Isqof Emeritu ta’ Garissa, il-Kenja, Mons Paul Darmanin.

Qabel saret il-purċissjoni mill-Palazz tal-Arċisqof għall-Katidral, NET News assista għall-wasla ta’ uħud mill-mistiedna distinti… fosthom l-Isqof Awżiljarju elett innifsu. U ħadna l-opportunità li nistaqsuh kif kien qed iħossu, ftit qabel l-Ordinazzjoni.

Qabel bdiet iċ-ċelebrazzjoni, kien hemm ftit ħin ta’ talb.

Wara l-qari tal-Evanġelju, inqrat il-Bolla li permezz tagħha l-Papa Franġisku ħatar lill-Mons Galea Curmi bħala Isqof Awżiljarju u fost ir-riti tradizzjonali u solenni kien hemm il-mument meta l-Isqof Awżiljarju l-ġdid inxteħet wiċċu fl-art waqt il-Kant tal-Litanija.

L-Isqof Awżiljarju Galea Curmi ingħata t-titlu wkoll bħala l-Isqof Titulari tad-djoċesi ta’ Cebarades fit-Tuneżija.

Il-Qofol tar-rit tal-Ordinazzjoni intlaħaq bit-tqegħid tal-idejn u fit-talba tal-konsagrazzjoni bl-Arċisqof li dilek ras l-Isqof il-ġdid biż-żejt tal-griżma.

Wara l-Isqof Galea Curmi ngħata ċ-ċurkett, il-mitra u l-baklu – li ingħataw b’rigal mill-Arċisqof, mill-Parroċċa ta’ Ħal Balzan u mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp f’Birkirkara rispettivament – bl-isqof il-ġdid fl-aħħar sab post bilqiegħda ħdejn l-Isqfijiet ċelebranti l-oħra.

Il-Quddiesa ntemmet bil-kant tat-Te Deum, u bil-barka mill-Isqof Awżiljarju l-ġdid, Mons Joseph Galea Curmi.