Internazzjonali

Possibbiltà li ma jkunx hemm ftehim aħħari dwar il-Brexit

Mark Carney

Mark Carney, il-Gvernatur tal-Bank of England, wissa li l-possibbiltà li l-Brexit – il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – jseħħ mingħajr ftehim aħħari minn qabel sfortunatament kien għoli ħafna u mhux xi ħaġa mixtieqa.

Hu qal li kien “assolutament fl-interess tal-UE u r-Renju Unit li jkun hemm perjodu ta’ transizzjoni.

It-twisija ta’ Carney saret ftit qabel il-Prim Ministru Ingliż Theresa May kellha laqgħa mal-President Franċiż Emmanuel Macron fi Franza. May temmet ħesrem il-btala tagħha fl-Italja biex tkompli tfittex l-appoġġ fost il-mexxejja Ewropej għall-pjani tagħha għall-Brexit.

F’kummenti lill-BBC, Mark Carney qal li s-sistema finanzjarja Ingliża kienet b’saħħitha u kienet tiflaħ għal xi skossi li seta’ jkun hemm wara l-Brexit.

Carney qal li jekk iseħħ dak magħruf bħala l-hard Brexit – ħruġ mingħajr ftehim – dan iwassal għal tħarbit fl-attività ekonomika u kummerċjali kif ukoll prezzijiet aktar għoljin għal perjodu ta’ żmien. Hu qal li din, remota kemm hi remota, dejjem kienet possibbiltà li wieħed ma setax jinjora.

Il-Gvernatur tal-Bank of England qal li ttieħdu miżuri biex ikun assigurat li wara Marzu tal-2019, meta jseħħ il-Brexit, il-banek ikollhom il-flus biex ma jkunx hemm problemi.