Lokali

Prominenza fil-gazzetti wara d-delitt ta’ Shannon Mak

Il-gazzetti lokali rrappurtaw bi prominenza l-aktar delitt riċenti – dak li wassal għall-mewt ta’ Shannon Mak – Olandiża li nstabet mejta b’għonqha mħanxar bejn żewġ karozzi fi triq imwarrba f’Santa Venera.

Il-gazzetta In-Nazzjon irrappurtat li l-investigaturi arrestaw lill-eks sieħeb tal-vittma u qed jikunsidraw dan id-delitt bħala wieħed ta’ għira wara li ż-żewġ persuni temmew ir-relazzjoni. Skont In-Nazzjon, it-tfajla ntlemħet l-aħħar ma’ xi ħbieb f’post tad-divertiment fil-Qawra u t-teżi tal-Pulizija hi li t-tfajla ma nqatlitx fil-post fejn instabet mejta iżda nġarret.

Jirriżulta wkoll li s-suspettat joqgħod ftit biss ‘il bogħod minn fejn il-mara nstabet mejta – katavru li nstab minn xi nies li mas-sebħ ħarġu l-borża tal-iskart.

Il-gazzetta Times of Malta min-naħa tagħha tirrapporta li d-delitt tal-Olandiża, aktarx kien qtil li seħħ b’passjoni – jiġifieri qtil li ma kienx intenzjonat iżda seħħ fis-saħna tal-mument.

L-Orizzont irrappurtat li ma kienx qed jiġi eskluż li l-eks sieħeb tal-vittma jitressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu wara li allegatament ammetta mal-Pulizija li kien hu li kkommetta d-delitt.

U The Malta Independent ukoll b’rapport dwar id-delitt – fosthom dwar kif il-Pulizija kienet qed iżżomm lill-eks sieheb tal-vittma – vittma li ġiet identifikata bħala impjegata ta’ kumpanija tal-gaming minn wristband li kellha ma’ idha.

Bid-delitt ta’ Shannon Mak, b’kollox sa issa din is-sena seħħew sitt delitti.