Lokali

Abbuż mis-servizz tal-emerġenza: Għexieren fis-sakra jċemplu biex “jorqdu l-isptar”

Arkivji

“In-nies qed jiġu l-Isptar Mater Dei biex jorqdu għax ikunu fis-sakra.”

Hekk sostna impjegat tal-isptar fuq il-midja soċjali hekk kif stqarr li l-ħaddiema tal-Emerġenza jinsabu eżawsti wara lejl ieħor ta’ dak li ddeskrivieh bħala abbuż fuq is-servizz tal-ambulanzi.

Huwa stqarr li fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd kellhom mas-70 telefonata f’xift wieħed, bil-maġġoranza tagħhom ikunu pazjenti f’sakra ma jarawx art minn lejl ta’ tbaħrid f’Paceville.

Ir-raġel kompla jisħaq li dawn jieħdu mill-ħin tal-ħaddiema u l-infermieri biex jiġu jorqdu l-isptar flok imorru jistrieħu d-dar.

Huwa saħaq li l-kollegi tiegħu kollha kemm huma jispiċċaw jaħdmu fuq xfar għajnejhom bir-riskju li malli jispiċċa x-xift tagħhom ikunu f’riskju li jkunu involuti f’inċident tat-traffiku huma u sejrin lura lejn id-dar.