Lokali

Ċiklist isofri feriti ħfief wara li ntlaqat minn karozza fuq it-‘traffic lights’

Ċiklist Indjan żagħżugħ sofra feriti ħfief wara li ntlaqat minn karozza waqt li kien qed jaqsam it-triq bir-rota minn fuq it-‘traffic lights’ fl-Imsida.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tas-7.15pm fi Triq ix-Xatt tal-Imsida, meta ż-żagħżugħ, ta’ 27 sena residenti l-Imsida stess, kien qed jaqsam it-triq meta kellu d-dritta jagħmel dan minn fuq it-‘traffic lights’.

Persuni fil-post li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li dak il-ħin kienet għaddejja vettura tal-Pulizija, li laqtet liċ-ċiklist qabel ma dan spiċċa fuq karozza oħra li nzertat għaddejja dak il-ħin.

L-Indjan ngħata l-ewwel għajnuna fil-post mill-membri tal-Korp stess sakemm wasal tim mediku b’Ambulanza. Hu ttieħed l-Isptar għal aktar kura, fejn kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti ħfief.

Kawża tal-inċident, inħolqot konġestjoni tat-traffiku għal xi ħin, bit-triq terġa’ tinfetaħ wara madwar siegħa u nofs.

Aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.