Futbol Sport

Chelsea qrib li jakkwistaw lil Mateo Kovacic b’self

Chelsea jinsabu viċin li jakkwistaw lil Mateo Kovacic b’self, hekk kif Real Madrid qed jippruvaw jikkonvinċu lil Chelsea biex l-Ingliżi jbiegħu lill-gowlkiper Thibaut Courtois.

Kovacic sabha diffiċli biex jikseb post regolari ma’ Real Madrid minn meta ngħaqad magħhom mingħand Inter fl-2015 u ntqal li jista’ jitlaq liċ-champions Ewropej dan is-sajf. Real Madrid huma preparati li jħallu lill-midfielder ta’ 24 sena jingħaqad ma’ Chelsea b’self, bl-għan li jakkwistaw lil Courtois.

L-Ispanjol huma interessati fl-akkwist tal-internazzjonali Belġjan li naqas li jirritorna għat-taħriġ tal-pre-season ma’ Chelsea wara li kellu vaganzi itwal minħabba l-impenji fit-Tazza tad-Dinja. Dan il-fatt kompla jkabbar l-ispekulazzjoni li verament jista’ jħalli l-klabb.

Courtois kellu jiddiskuti mal-kowċ ta’ Chelsea Maurizio Sarri t-Tnejn iżda naqas li jirraporta għat-taħriġ. Rapporti fil-media Ingliża qed jifhmu li Chelsea mhux se jħallu lil Courtois jitlaq dan is-sajf sakemm isibu sostitut denju.

Fost il-gowlkipers li qed jiġu kkunsidrati li jistgħu jingħaqdu ma’ Chelsea hemm Jack Butland, Sergio Rico u Jan Oblak, filwaqt li jidher li għamlu offerta għal Kepa Arrizabalaga ta’ Athletic Bilbao. Chelsea jidhru li lesti jagħmlu offertà ta’ €75 miljun. Sarri jidher li l-għażla preferuta tiegħu hu l-gowlkiper ta’ Atletico Madrid Jan Oblak iżda għandu klawsola ta’ aktar minn €90 miljun li tagħmilha l-aktar għażla għolja.

Intant jidher li Milan huma interessati li jakkwistaw lill-midfielder ta’ Chelsea Tiemoue Bakayoko. Il-klabb Taljan jidher li hu lest li jakkwista l-plejer b’self bid-dritt li jinxtara l-istaġun ta’ wara.  Bakayoko kien akkwistaw mingħand Monaco l-istaġun li għadda, iżda naqas li jżomm mal-aspettattiva tant li f’xi logħbiet tilef postu mal-ewwel ħdax.