Edukazzjoni Knisja Lokali

Iffirmat il-ftehim kollettiv bejn il-Knisja u l-MUT

Ftehim li issa ġab lill-edukaturi fl-iskejjel tal-knisja fuq l-istess livell ma’ dawk tal-istat.

L-Awtoritajiet tal-Knisja u l-Union tal-Għalliema (MUT) ffirmaw il-ftehim kollettivli se jservi għall-ħames snin li ġejjin minn din is-sena sal-2022. It-titjib fil-kundizzjonijiet se jaffettwa lill-ħaddiema kollha tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u dawk fl-iskejjel tal-Knisja madwar Malta u Għawdex.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim kollettiv li sar fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana ġie assigurat li fost it-titjib, il-ħaddiema se jkollhom dawn il-benefiċċji: Pakkett finanzjarju mtejjeb bi skali reveduti tas-salarju, allowances u riżorsi għax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, sturutturi u opportunitajiet fuq il-post tax-xogħol.

Ħafna mill-punti li ġew iffirmati llum ġew adottati mill-ftehim settorjali li ġie ffirmat bejn l-MUT u l-Gvern f’Diċembru li għadda.

Fr Charles Mallia mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika qal li l-ftehim intlaħaq fil-ħin bi preparazzjoni għas-sena skolastika li jmiss. Ġie spjegat li l-ftehim jinkludi parametri li jirregolaw il-prattiċi mħaddna fl-iskejjel tal-Knisja, bħal rikonoxximent tas-servizz regolari, eżamijiet u prattiċi oħra dwar l-assessjar li jsiru f’diversi skejjel.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li għal dawn l-aħħar 30 sena, l-Awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT kellhom rwol ċentrali fit-tqassim tal-gradi edukattivi b’mod speċjali fir-rikonoxximent tar-rwol li l-edukaturi għandhom fl-iskejjel tal-Knisja u biex dawn ikunu fuq l-istess livell ma’ dawk tal-istat.

Ingħad ukoll li għalkemm l-Awtoritajiet tal-Knisja għadhom għaddejjin b’diskussjonijiet mal-Gvern dwar il-finanzjament tal-laptops għal-LSEs u Kindergarten Educators, il-ftehim kollettiv jagħtihom assigurazzjoni li se jirċivuh b’xejn għall-ewwel darba bħall-kollegi tagħhom fi gradi oħra.

Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Charles J. Scicluna elenka l-fatt dwar l-importanza tal-għalliema., ftehim li hemm bżonn jitħaddem b’sens ta’ rieda tajba u li permezz tiegħu jitħarsu kemm l-edukaturi u kif ukoll l-istudenti u l-edukazzjoni tagħhom. Huwa saħaq li hemm bżonn titkompla l-ħidma biex insaħħu l-identità u l-awtorità tal-iskejjel tal-knisja. Mixja waħda – għalkemm diversa anki minn skola għal oħa, l-edukazzjini hija mibnija fuq l-imħabba u l-libertà, fuq dinjità tal-persuna, u fuq l-esperssjoni sabiħa tal-imħabba.

Ritratti: Matthew Tabone