Lokali Qorti

Il-Fulu, Iċ-Ċiniż, u Il-Koħħu miċħuda l-ħelsien mill-arrest għal darb’oħra

Għat-tieni darba f’inqas minn ġimgħa, it-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ġew miċħuda l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti.

Id-deċiżjoni li t-talba għall-ħelsien mill-arrest tiġi miċħuda ngħatat mill-Imħallef Antonio Mizzi, dan hekk kif il-ġimgħa li għaddiet applikazzjoni oħra bl-istess talba ma ntlaqatx mill-Imħallef Giovanni Grixti – b’dan tal-aħħar jistqarr li t-tliet irġiel akkużati mhumiex affidabbli biżejjed li se jonoraw il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

L-akkużati George Degiorgio magħruf bħala Iċ-Ċiniż, Alfred Degiorgio mlaqqam Il-Fulu, u Vincent Muscat magħruf bħala Il-Koħħu, ġew arrestati l-Marsa nhar l-4 ta’ Diċembru akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar huma dejjem ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

L-avukat William Cuschieri, li deher għan-nom tat-tliet akkużati, fl-awla stqarr li l-Qorti ma tistax tassumi li l-aħwa George u Alfred Degiorgio, u kif ukoll Vincent Muscat, se jiksru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest – filwaqt li żied lil-akkużati dejjem żammew mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Qorti f’kawżi separati u passati.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li hi taqbel perfettament mar-raġunar tad-digriet mogħti qabel, jiġifieri li l-ħelsien mill-arrest mhux se jingħata hekk kif għad hemm l-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li għadha għaddejja – u li dan il-ħelsien jista’ jkun ta’ preġudizzju.

L-avukat William Cuschieri deher għat-tliet akkużati, filwaqt li Daniela Attard  u Philip Galea Farrugia dehru għan-nom tal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.