Internazzjonali

Il-Ġermanja: Jeħlu l-ħabs dwar il-bejgħ ta’ tifel lill-pedofoli

Qorti fil-belt ta’ Freiburg ikkundannat mara għal 12 il-sena u sitt xhur ħabs wara li din kienet biegħet lil binha lill-pedofeli permezz tal-Internet. Il-qorti sadanittant ikkundannat lis-sieħeb tal-mara – li hu wkoll il-missier tar-rispett tat-tifel – għall-istess ammont ta’ priġunerija.

Il-vittma fiċ-ċirkustanzi kellu disa’ snin meta beda l-proċess ta’ din il-koppja f’Ġunju li għadda. Intant, it-tifel spiċċa mibjugħ lill-pedofeli fuq is-servizzi tad-dark net li hu parti mill-internet li ma tinqabadx minn diversi search engines tas-sistema.

Il-mara u raġel inkwistjoni kienu ilhom talanqas sentejn jabbużaw lil dan it-tifel, bil-qorti ta’ Freiburg, fil-bidu tal-ġimgħa, anki tikkundanna raġel Spanjol għal għaxar snin ħabs wara li hu kien abbuża ripetutatment lill-istess vittma.

Il-mara u seħibha nstabu ħatja ta’ stupru, kif ukoll dwar assalt aggravat ta’ minorenni bi skop sesswali; prostituzzjoni sfurzata u distribuzzjoni ta’ pornografija tat-tfal.

Huma, issa, iridu jħallsu 42,500 ewro f’danni lit-tifel u lil tifla ta’ tliet snin li wkoll spiċċat abbużata taħt idejhom.

Fl-istess ħin, ħames irġiel oħra spiċċaw ipproċessati bil-liġi b’konnessjoni ma’ dan il-każ ta’ abbuż partikulari.

Sadanittant, l-awtoritajiet sabu familja oħra għat-tifel abbużat li, fil-preżent, qiegħed jgħix magħha.

L-istampa fil-Ġermanja rappurtat li l-awtoritajiet responsabbli mill-ħarsien tat-tfal fl-Istat ta’ Baden-Wurttemberg spiċċaw ikkritikati bil-qawwi talli fallew milli jwaqqfu l-abbużi tal-koppja.

Dan wara li l-ħaddiema soċjali kienu ħadu lit-tifel f’idejhom, għal żmien, qabel reġgħu għaddewh lill-koppja ta’ imputati. Ingħad ukoll li l-uffiċjali tal-welfare ma ħasbu qatt biex jagħmlu skambju ta’ informazzjoni fil-każ u li seta’ jiżvela qabel ir-reati tal-mara u seħibha.