Lokali

Open Day għal min irid jammira l-fjammingi

Bħalissa fir-riżerva naturali tal-Għadira hemm numru rekord ta’ fjammingi għal din ir-riżerva, hekk kif b’kollox bħalissa hemm 10 fjammingi, dan hekk kif  qatt qabel ma kien hemn dak l-ammont ta’ fjamingi f’daqqa f’din ir-riżerva.

Kien is-Sibt li għadda għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart li tmien fjammingi taru minn fuq il-bajja tal-għadira u niżlu jistrieħu fir-riżerva naturali. Jirriżulta li oriġinarjament dawn it-tmien tajriet kien jagħmlu parti minn grupp ferm ikbar ta’ fjammingi, b’kollox sittin li dehru jtiru fuq il-bajja tal-Għadira. Eventwalment dawn il-fjammingi iddeċidew li jinqatgħu mill-kumplament tal-grupp u nieżlu jistrieħu fir-riżerva naturali tal-Għadira.

Mill-istħarriġ li għamlu membri tal-birdlife jirriżulta dawn l-għasafar għandhom bejn xahrejn u tliet xhur.

Dawn it-tmien fjammingi jingħaqdu ma żewġ fjammingi oħra li huma meqjusa residenti tar-riżerva naturali tal-Għadira, b’wieħed minnhom ilu f’din ir-riżerva għal aktar minn sena wara li kien salvat aktar minn sena ilu fil-bajja tal-Armier.

Fjamming ieħor għadu għand il-veterinarju u ma ġiex rilaxxat fir-riżerva tal-Għadira wara li ġie salvat fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex.

BirdLife Malta se tkun qed tiftaħ ir-riserva naturali tal-Għadira l-Erbgħa bejn it-8am u l-11am biex il-pubbliku jkun jista’ jara u jammira l-10 Fjamingi li hemm bħalissa.