Lokali Qorti

Sewwieq tal-linja se jerġa’ jitressaq il-Qorti; biex tinstema’ xhud li weħlet fil-kju

Sewwieq tal-linja li ġie meħlus mill-akkużi, wara li ma nstabitx biżejjed evidenza kontrih biex issibu ħati li kien qed juża l-mobile waqt li jsuq, se jkollu jerġa’ jitressaq il-Qorti wara li xhud prinċipali għall-prosekuzzjoni ma setgħetx tixhed hekk kif weħlet fil-kju tal-entratura tal-Qorti.

L-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati wara li nqatgħet favur l-akkużat minħabba nuqqas ta’ evidenza, u għalhekk Gordon Borda ma nstabx ħati li kien qed isuq tal-linja fiż-Żurrieq nhar is-6 ta’ April 2016 waqt li kien qed juża l-mobile.

Fl-appell, saret talba biex il-Qorti tal-Appell tirrevoka s-sentenza tal-Ewwel Qorti, u jkomplu l-proċeduri legali kontrih – hekk kif fl-ewwel istanza, l-akkużat ma dehrex quddiem il-Maġistrat u kien inħareġ mandat t’arrest għalih.  Ix-xhud inkwistjoni hi Kelly Marie Goodenough li kienet tat ix-xhieda tagħha, iżda minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-Pulizija u x-xhud din ma telgħetx tixhed għat-tielet seduta. Pero għar-raba’ u l-aktar seduta importanti, din ix-xhud weħlet fil-kju fl-entratura tal-Qorti u ma segħtetx tidħol fl-awla meta ġiet mgħajta.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera qablet mal-argumenti miġjuba mill-Avukat Ġenerali, dik li l-Qorti messha ssuspendiet is-smiegħ għal ftit minuti.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell reġgħet bagħtet il-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex tinstema’ x-xhieda ta’ Kelly Marie Goodenough.