Futbol Sport

185 tifla jieħdu sehem f’sessjonijiet tal-futbol wara l-iskola

Bħala parti mill-isforzi biex il-futbol tan-nisa f’Malta jkompli jiżviluppa u jżid fil-popolarità, dan l-aħħar tnieda proġett ġdid mid-Dipartiment tal-Football tan-Nisa fi ħdan il-Malta Football Association.

Dan kien jikkonsisti f’sessjonijiet wara l-iskola f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex bil-għan li din l-inizjattiva tilħaq aktar bniet, speċjalment dawk minn etajiet bejn is-seba’ u għaxar snin, u tagħtihom l-opportunità jitgħallmu ħiliet bażiċi marbuta mal-logħba tal-futbol.

B’kollox total ta’ 185 tifla minn tmien skejjel madwar Malta u Għawdex ħadu sehem f’dan il-proġett pilota.

L-iskejjel, bit-total ta’ bniet minn kull skola fil-parentesi kienu: Skola Primarja ta’ Birkirkara (19), Primarja Birżebbuġa (29), Primarja Fgura (24), Sacred Heart (14), Primarja St Joan Antide (31), Kulleġġ San Martin (12), Primarja San Pawl il-baħar (37), Primarja t’Għawdex (Bishop’s Conservatory) (19).

Il-parteċipanti f’dan il-proġett pilota ħadu sehem f’sessjonijiet darba fil-ġimgħa taħt is-superviżjoni ta’ kowċis kwalifikati maħtura mill-MFA.

Id-Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa tal-MFA, Pierre Brincat, qal: “Inizjattiva bħal din hija mill-aktar pro-attiva u qed tgħin lil dawn l-istudenti bniet biex jifhmu aħjar kif il-futbol huwa sport li jista’ jintlagħab minn kulħadd.”

Kemm l-iskejjel infushom, il-ġenituri, kif ukoll l-istess parteċipanti kellhom kliem ta’ tifħir għal din l-idea biex fis-sena skolastika li tibda dalwaqt id-Dipartiment tal-Football tan-Nisa jkompli jkabbar dan il-proġett.

Dan hu rifless mill-fatt li l-iskejjel li kienu parti minn dan il-proġett pilota diġà esprimew l-interess tagħhom li jerġgħu jiftħu l-bibien għal aktar parteċipazzjoni fl-edizzjoni li jmiss. “Li tkun plejer tal-futbol huwa privileġġ,” kompla jgħid Pierre Brincat.

“Il-futbol fost in-nisa qiegħed dejjem jikber u jevolvi. Organizazzjonijiet internazzjonali bħall-UEFA u l-FIFA, kif ukoll il-Malta Football Association, qed jinvestu biex il-futbol tan-nisa jkompli miexi ’l quddiem.”

Aktar dettalji dwar dan il-proġett u dettalji oħra marbuta mal-futbol tan-nisa f’Malta jistgħu jinkisbu billi wieħed jibgħat email fuq footballgirls@mfa.com.mt.