Lokali

Awguri lil Adrian Delia f’għeluq sninu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia illum jiċċelebra għeluq sninu. Adrian Delia, li ilu kważi sena jmexxi l-PN, illum jagħlaq 49 sena.

Adrian Delia fil-fatt twieled f’Tas-Sliema fit-8 t’Awwissu tal-1969, iżda tista’ tgħid trabba u għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu f’Birkirkara. Hu ħa l-edukazzjoni tiegħu San Alwiġi, u gradwa bħala avukat fl-1993.

Fis-6 t’Ottubru 2017 hu ħa l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Dan wara li fis-16 ta’ Settembru hu ġie elett b’vot qawwi mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, fejn ivvutaw kważi 15,000 ruħ.

Tul dawn l-aħħar xhur, spikka l-mod ġdid ta’ politika li qed imexxi biha Adrian Delia, b’enfasi qawwija fuq il-ħtiġijiet tan-nies, anke l-bżonnijiet iż-żgħar. Minbarra proċess ta’ tiġdid fil-Partit Nazzjonalista, il-marka ta’ Adrian Delia bħala politiku hi li jisma u jżomm kuntatt dirett ma’ kulħadd. Fil-fatt, wieħed jista’ jgħid li f’din is-sena fit-tmexxija tal-PN, Adrian Delia żar kważi kull lokalita’ f’Malta u Għawdex u indirizza diversi laqgħat ma’ residenti, għaqdiet non-governattivi, nies li għandhom negozju, żgħażagħ, anzjani, familji u persuni involuti fil-volontarjat.

Ritratt: Martin Agius

Adrian Delia hu miżewweġ lill-avukat Nickie Velle de Fremaux u għandhom ħamest itfal.

Għal żmien twil kien involut fil-klabb tal-futbol ta’ Birkirkara, inkluż bħala President.