Futbol Sport

Chelsea jakkwistaw lil Kepa Arrizabalaga

Isir l-aktar gowlkiper li sewa flus fl-istorja

Fl-istess waqt li Chelsea kienu qed jinnegozjaw ma’ Real Madrid il-bejgħ ta’ Thibaut Courtois, Chelsea kienu qegħdin f’negozjati biex isibu sostitut. Huma rnexxielhom jakkwistaw lill-gowlkiper Kepa Arrizabalaga mingħand Athletic Bilbao għas-somma ta’ kważi €79 miljun, ċifra rekord għall-gowlkiper.

Arrizabalaga se jibda jilgħab fi Stamford Bridge wara li ntlaħqet il-klawsola tiegħu, b’dan it-trasferiment jaqbeż dak ta’ €74 miljun li Liverpool ħallsu għall-Brażiljan Alisson mingħand Roma ftit ġimgħat ilu.

Hu ffirma kuntratt ta’ seba’ snin u mistenni jkompli jtejjeb il-livell tiegħu hekk kif bħalissa jinsab it-tieni gowlkiper fit-tim nazzjonali Spanjol wara l-gowlkiper ta’ Manchester United David de Gea. Arrizabalafa lagħab għal żewġ staġuni ma’ Athletic Bilbao b’total ta’ 53 logħba f’La Liga.

F’Jannar hu kien iffirma kuntratt fit-tul sal-2015, fost interess minn Real Madrid. Il-gowlkiper Spanjol hu t-tieni plejer impotanti li ħalla lit-tim Spanjol wara li f’Jannar Manchester City iffirmaw lid-difensur Franċiż Aymeric Laporte għas-somma ta’ madwar €63 miljun.