Futbol Sport

Il-YFA torganizza s-Serata ta’ Preżentazzjoni Annwali

Il-ġimgħa l-oħra l-Youth Football Association organizzat is-Serata ta’ Preżentazzjoni Annwali fejn ir-rebbieħa individwali u t-timijiet kienu preżentati bit-trofew u mementos tal-kisbiet li għamlu fl-istaġun 2017/2018.

Il-President tal-Youth FA Fr. Hilary Tagliaferro fakkar il-memorja ta’ Godfrey Pecorella li miet proprju dakinhar u kien ingħata l-YFA merit award fl-istess okkażjoni sentejn ilu. Tagliaferro żvela li minn dan l-istaġun se jkun hemm unur ġdid li se jkun dak tal-Fair Play għall-kategorija ta’ taħt it-13-il sena, li se tkun sponsorjata minn Viola Club Malta.

Fost l-unuri l-aktar importanti, kienu preżentati l-unuri tal-aktar plejers promettenti. Jean Paul Attard ta’ San Ġwann rebaħ l-unur ta’ taħt is-17-il sena u Kurt Briffa ta’ Pietà Hotspurs rebaħ l-unur ta’ taħt il-15-il sena.

It-tim ta’ San Ġwann kien preżentat bl-unuri bħala rebbieħa ta’ Sezzjoni A ta’ taħt is-17 u l-15-il sena, filwaqt li kienu preżentati wkoll bl-unur tan-knock-out ta’ taħt il-15-il sena. St. Andrews kienu preżentati bl-unur tan-knock-out ta’ taħt is-17-il sena.

It-tim ta’ taħt il-15-il sena ta’ Siġġiewi rebaħ l-unur tal-Fair Play filwaqt li l-istess unur intrebaħ minn Mtarfa fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena. Stephen Gatt ingħata l-YFA Merit Award għad-dedikazzjoni tiegħu fis-settur taż-żgħażagħ.