Sport Waterpolo

Neptunes waħedhom fit-tieni post

Jacob Sciberras u Clint Mercieca jippruvaw jimblukkaw lil Niki Lanzon (Ritratt: Martin Agius)
Valletta jiksbu l-ewwel punt fil-kampjonat

NEPTUNES LEO VEGAS…………… 15

SIRENS GREENTUBE………………. 11

(4-2), (4-2), (2-3), (5-4)

Neptunes Leo Vegas għamlu pass importanti li jassiguraw it-tieni post fl-ewwel fażi, li jfisser post dirett fis-semifinali, b’rebħa tajba ta’ 15-11 fuq Sirens Greentube. Ir-rebħa għal Neptunes kienet meritata, b’Sirens juru mumenti pożittivi iżda ma kinux konsistenti tul il-logħba.

Għal Sirens mexxa t-tim Sasko Popovski wara li l-kowċ Taljan Marco Baldinetti spiċċa mill-kariga, b’Sirens sa issa jkun li l-aktar li ddiżappunta wara prestazzjonijiet negattivi filwaqt li kien mistenni ħafna aktar minnhom.

Fl-ewwel sessjoni kellhom ikunu żewġ gowls ta’ Miguel Zammit u Stevie Camilleri li poġġew lil Neptunes 4-2 minn fuq, wara li Sirens kienu ġabu d-draw f’żewġ okkażjonijiet. L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni, bil-veteran Paul Privitera jwieġeb għall-gowl ta’ Petar Muslim. Iżda gowls ta’ Matthias Azzopardi u Petar Muslim għamlu l-iskor 7-3, b’Neptunes jidħlu jistrieħu b’distakk ta’ erba’ gowls.

Sirens urew sinjali pożittivi fit-tielet sessjoni hekk kif dehru aktar solidi fid-difiża u urew sinjali ta’ tim. Jordan Camilleri wieġeb għal Nicolas Bicari, iżda lob sabiħ ta’ John Brownrigg u gowl ieħor ta’ Nicolas Bicari naqqsu d-distakk għal 9-7. Niki Lanzon skorja għal Neptunes filwaqt li Sirens naqsu li jiskorjaw iċ-ċans li kellhom.

Iżda mal-bidu tal-aħħar sessjoni, kien Marc Grech li għamilhom 10-8, madankollu Neptunes wieġbu mill-ewwel b’gowls ta’ Jordan Camilleri (2), Stevie Camilleri u Gabriel Pace biex għalqu l-logħba. Sirens irnexxielhom jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli b’Nicolas Bicari jegħleb lis-sostitut Joseph Parnis tliet darbiet. Stevie Camilleri ssiġilla r-rebħa.

Neptunes: A. Borg, Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace (1), P. Muslim (2), N. Zammit, S. Camilleri (4), J. Camilleri (4), J. Abela, M. Zammit (2), J. Culic, M. Azzopardi (1), J. Parnis

Sirens: N. Grixti, P. Privitera (2), E. Aquilina, N. Bicari (5), M. Grech (1), I. Riolo (1), C. Mercieca (1), J. Sciberras, J. Napier, J. Ciantar, L. Caruana, J. Brownrigg (1), G. Galea Curmi

Referees: Alex De Raffaele, Andrea Zedda

Valletta jiksbu l-ewwel punt

EXILES ELIA CATERERS………….. 8

VALLETTA VIDEOSLOTS………….. 8

(2-2), (0-2), (2-1), (4-3)

Valletta Videoslots irnexxielhom jiksbu l-ewwel punt fil-kampjonat fi draw missielet u bilanċjat ta’ 8-8 kontra Exiles Elia Caterers. Minkejja li żgur li huma sodisfatti li tal-anqas kisbu punt, Valletta jemmnu li setgħu ħarġu mil-logħba bit-tliet punti hekk kif rari kienu minn taħt fil-logħba filwaqt li marru fil-vantaġġ fl-aħħar minuta.

Għal Exiles din ma kinitx l-aħjar logħba tagħhom, iżda fl-aħħar sessjoni urew karattru biex marru minn fuq għall-ewwel darba u wara li spiċċaw minn taħt fl-aħħar ħinijiet salvaw punt li bih fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq Sirens.

Bidu tajjeb minn Valletta li marru 2-0 minn fuq b’gowl mid-distanza tal-veteran Charlie Zammit u ieħor mill-viċin ta’ Marton Toth. Il-Beltin dehru li qed jikkontrollaw tajjeb iżda Exiles naqqsu d-distakk b’gowl sabiħ minn angolu ristrett ta’ Benji Lanzon, biex eżatt qabel tmiem is-sessjoni Aurelien Cousin ġab id-draw.

Valletta baqgħu konċentrati fit-tieni sessjoni, skorjaw darbtejn minn Marton Toth u lob preċiż ta’ Michele Mifsud filwaqt li rnexxielhom ma jsofrux gowl f’sessjoni sħiħa, xi ħaġa li ftit għamlu f’dan il-kampjonat.

Mark Fenech naqqas id-distakk għal gowl fit-tielet sessjoni, iżda reġa’ kien Toth li reġa’ tefa’ lit-tim ta’ Bogdan Rath b’vantaġġ ta’ żewġ gowls. Marton Toth kellu ċans tajjeb li jagħmilhom 6-3 meta ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Matthew Castillo, iżda l-gowlkiper ta’ Exiles salva x-xutt u mill-istess azzjoni, Nicky Paris għamilhom 5-4.

Wara dan il-gowl inħolqot kontroversja hekk kif Valletta lagħbu l-aħħar 16-il sekonda tas-sessjoni b’raġel aktar wara nuqqas tar-referees, sitwazzjoni li qajmet protesti kbar minn Exiles. Wara deċiżjoni tal-mejda li tikkontrolla l-logħba, il-logħbiet reġgħet bdiet b’16-il sekonda għat-tmiem u b’pussess ta’ Valletta.

Exiles ħarġu aktar determinati fl-aħħar sessjoni u rnexxielhom mhux biss iġibu d-draw minn Andrea Bianchi, iżda marru minn fuq b’gowl għall-ewwel darba minn angolu ristrett ta’ Nicky Paris.

Valletta wettqu reazzjoni u ġabu d-draw darbtejn l-ewwel minn Toth u wara li Paris għamilhom 7-6, Michele Mifsud ġab id-draw. Keith Galea deher li se jagħti r-rebħa lil Valletta b’gowl ftit anqas minn minuta għat-tmiem, iżda Aurelien Cousin ġab id-draw minn man-up b’xutt fil-baxx għar-rokna.

Exiles: M. Castillo, M. Fenech (2), A. Bianchi (1), M. Stellini, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, S. Nikic, K. Griscti, N. Paris (2), A. Cousin (2), B. Lanzon (1), P. Paris, G. Ciappara

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, M. Mifsud (2), T. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Toth (4), N. Bonello Ghio, C. Zammit (1), N. Farrugia (1), M. Lanzon

Referees: Tommaso Boccia, Stefan Licari

Marsaskala jiksbu rebħa meritata

OTTERS NIVEA……………………….. 6

MARSASKALA TRANSCRIPTA….. 12

(0-4), (3-2), (1-4), (4-2)

Marsaskala Transcripta kisbu t-tielet rebħa fil-kampjonat wara li meritatament għelbu lil Otters Nivea 12-6. It-tim ta’ Pierre Borg ħa vantaġġ tajjeb fl-ewwel sessjoni u minn hemm ikkontrolla tajjeb tul il-logħba għal rebħa mingħajr diffikultà.

Marsaskala rebħu l-ewwel sessjoni 4-0 b’gowls minn Daniel Borg Millo, Andrija Vlahovic, Christian Mifsud u Kyle Navarro. Otters pruvaw jidħlu fil-logħba b’gowls minn Attila Kincses u Luca Felica fil-bidu tat-tieni sessjoni, iżda żewġ gowls ta’ Marsaskala reġgħu għamlu d-disktakk erba’ gowls, b’Kincses inaqqas id-distakk qabel tmiem it-tieni sessjoni.

Edward Meli ta tama lit-tim tiegħu li jista’ jerġa’ jidħol fil-logħba fit-tielet sessjoni, iżda erba’ gowls konsekuttivi minn Marsaskala għalqu l-konfront. B’distakk ta’ sitt gowls l-aħħar sessjoni tilfet l-interess, b’Otters jirnexxielhom tal-anqas jagħmlu l-iskor aktar rispettabbli, bi tripletta ta’ Edward Meli u gowl ta’ Attila Kincses.

Otters: M. Xerri, A. Magri, A. Camenzuli, L. Felice (1), E. Meli (4), D. Dimech, K. Scicluna, A. Kincses (3) M. Sciberras, E. Gravina, M. Aquilina, D. Zahra, K. Schembri

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, E. Carabot (1), D. Borg Millo (1), A. Vlahovic (3), L. Grixti, K. Navarro (3), J. Busuttil, J. Bajada (1), C. Mifsud (3), D. Cassar, R. Attard, B. Muscat

Referees: Tommaso Boccia, Ronnie Spiteri