Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic fit-tieni rawnd tat-Tazza Rogers

Novak Djokovic kellu bidu pożittiv fit-Tazza Rogers f’Toronto fl-ewwel logħba f’Tour tal-ATP minn meta rebaħ Wimbledon ix-xahar l-ieħor. Il-Korean Chung Hyeon kien sfurzat jirtira qabel il-logħba tal-ftuħ minħabba uġigħ f’daharu, b’Mirza Basic jidħol biex jilgħab.

Minkejja li l-eks numru wieħed tad-dinja ma kienx fl-aħjar forma tiegħu, Djokovic kien tajjeb biżżejjed biex għeleb lil Basic 6-3, 7-6 f’siegħa u nofs.

“Qatt ma lagħbt kontra Basic. Kont nafu nafu u ġieli prattikajt miegħu imma qatt ma lagħbt logħba uffiċjali u għalhekk ma kienx faċli li nsib ir-ritmu mill-bidu tal-logħba. Kien hemm mumenti ta’ frustrazzjoni f’xi ħinijiet imma dak ifisser li ridt nirbaħ,” qal Djokovic.

Is-Serb li għeleb lil Kevin Anderson biex kiseb ir-raba’ titlu f’Wimbledon, se jilgħab kontra l-Kanadiż Peter Polansky fit-tieni rawnd għada.

Il-Ġappuniż Kei Nishikori tilef is-service ħames darbiet u kien eliminat b’telfa ta’ 7-5, 6-1 kontra l-Olandiż Robin Haase. Nishikori li wasal sal-kwarti tal-finali tal-Open ta’ Washington il-ġimgħa l-oħra u mal-aħħar tmienja f’Wimbledon, kien maħsud bi 11-il ace minn Haase.

Ir-Russu Karen Khachanov għadda għat-tieni rawnd għas-spejjeż tas-Serb Filip Krajinovic 6-3, 6-2, filwaqt li l-Amerikan Sam Querrey għeleb lill-Franċiż Adrian Mannarino 6-2, 7-5. Stanislav Wawrinka rnexxielu jelimina lil Nick Kyrgios 1-6, 7-5, 7-5.

Tags