Futbol Sport

Real Madrid jilħqu ftehim ma’ Chelsea għal Courtois

Mateo Kovacic jingħaqad ma' Chelsea b'self bħala parti mill-ftehim

Chelsea kkonfermaw li laħqu ftehim ma’ Real Madrid għat-trasferiment ta’ Thibaut Courtois. Il-Belġjan se jiffirma kuntratt ta’ sitt snin wara li jaqbel it-termini personali u jgħaddi mill-eżami mediku. Bħala parti mill-ftehim, l-internazzjonali Kroat Mateo Kovacic se jingħaqad ma’ Chelsea b’self għal sena.

Stqarrija minn Chelsea kkonfermat li lbieraħ filgħaxija ż-żewġ klabbs waslu fi ftehim għat-trasferiment permanenti ta’ Courtois filwaqt li wara li jiġi finalizzat dan it-trasferiment, Mateo Kovacic jingħaqad mal-Blues b’self.

Real Madrid ikkonfermaw li Courtois se jagħmel l-eżami mediku llum qabel ma jkun żvelat lill-partitarji tal-klabb fi Stadio Santiago Bernabeu, f’dik li se tkun l-ewwel dehra tiegħu bil-flokk taċ-champions Ewropew. Wara hu jkollu l-konferenza stampa mal-ġurnalisti.

Courtois kien ilu plejer ta’ Chelsea mill-2011 meta kien ġie akkwistat minn Genk. Hu ntbagħat b’self mill-ewwel ma’ Atletico Madrid fejn lagħab magħhom sal-2014, fejn imbagħad stabilixxa ruħu bħala l-gowlkiper regolari ma’ Chelsea, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Josè Mourinho.

Il-gowlkiper ta’ 26 sena kien fadallu sena kuntratt ma’ Chelsea, u naqas li jirrapporta għat-taħriġ it-Tnejn wara li ngħata aktar żmien ta’ mistrieħ minħabba l-impenji fit-Tazza tad-Dinja.

Ma’ Real Madrid, Mateo Kovacic lagħab għal tliet staġuni minn meta ngħaqad magħhom fl-2015 mingħand Inter. Fost is-suċċessi li kiseb, Kovacic rebaħ iċ-Champions League tliet darbiet, iżda ma’ Chelsea f’dan l-istaġun se jkun qed jilgħab fl-Europa League. Hu kien parti mit-tim Kroat li wasal sal-finali tat-Tazza tad-Dinja.