Lokali

WARA L-QTIL TAL-OLANDIŻA: Xhieda jgħidu li l-aggressur kien spiċċa fil-vizzju tad-droga

Rakkonti kontrastanti dwar l-Olandiż li qatel il Shannon Mak

Il-każ tad-delitt li seħħ f’Santa Venera il-ġimgħa li għaddiet għadu stampat f’moħħ bosta, l-aktar minħabba l-mod makabru li fih instab il-katavru tal-Olandiża Shannon Mak – mitluqa taħt ħajt, f’ġenb ta’ triq b’għonqha imħanxar.

Il-media fl-Olanda qed issegwi mill-qrib dan l-assassinju li seħħ f’Malta.

Il-ġurnal De Telegraaf fil-fatt jiġbor it-testimonjanza ta’ għadd ta’ ħbieb ta’ Rijmpa Jelle, iż-żagħżugħ li jinsab akkużat bil-qtil.

Uħud minn sħabu qed jgħidu li Jelle qas kien kapaċi joqtol dubbiena. “Kien tifel sew, soċjevoli ħafna u ferrieħi”. Oħrajn irrakkuntaw kif minn mindu ġie Malta, l-affarijiet ma bdewx sejrin tajjeb. Tant li beda jsemmi li jrid ineħħi ħajtu b’idejh.

Hawn, tispikka t-testimonjanza ta’ kif Jelle kien imur il-Gżira biex jixtri l-kokaina.

Ir-rappurtaġġ f’dan il-ġurnal sar mill-ġurnalisti DANIEL VAN DAM u MARCEL VINK.

Ritratt: Martin Agius

X’nafu sa issa mill-Qorti?

Rijmpa Jelle għandu 22 sena.

L-Olandiż kien jaħdem fis-settur tal-gaming, u joqgħod f’Santa Venera.

Hu tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Shannon Mak, li kellha 30 sena.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravita tar-reat li jinsab akkużat bih u minħabba l-istadju bikri tal-proċeduri. Għaldaqstant, Jelle qed jinżamm fil-Ħabs ta’ Kordin.

L-Ispetturi Kurt Zahra u Robert Vella mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Leontine Calleja dehret għall-akkużat. L-Avukat Stefano Filletti qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma.