Sport Sport Ieħor

Yazmin Zammit Stevens tirbaħ il-kategorija tad-69kg fit-Tournament Internazzjonali ELEIKO

Wara li spiċċat fir-raba’ post is-sena l-oħra, Yazmin Zammit Stevens kisbet riżultat aħjar hekk kif spiċċat fl-ewwel post fit-Tournament Internazzjonali ELEIKO. Zammit Stevens temmet l-ewwel b’total ta’ 185kg fil-kategorija tad-69kg minn total ta’ 51 atleta.

Hi spiċċat b’vantaġġ ta’ 7kg fuq Lovett ta’ New Zealand u 10kg fuq Abouke minn Nauru. Total ta’ 703 atleti minn madwar id-dinja ħadu sehem, fosthom l-Awstralja, in-New Zealand, in-Nauru, il-Kiribati, il-Finlandja, il-Kanada u l-Afrika ta’ Isfel.

Minbarra Yazmin Zammit Stevens, ħadu sehem aktar weightlifters Maltin. Elisia Scicluna kisbet riżultat rispettabbli fil-kategorija tad-90kg fejn spiċċat ir-raba’ wara tliet atleti ta’ New Zealand minn total ta’ 30 atleta.

Tenishia Thornton li għad għandha 12-il sena spiċċat fit-tmien post fil-kategorija tat-48kg. Hi spiċċat wara atleti mill-Awstralja, in-Nauru, Solomon Island, New Zealand u Guam.

Roberta Tabone spiċċat fl-10 post fl-istess kategorija ta’ Zammit Stevens b’total ta’ 164kg. Tabone hi magħrufa aktar għall-kompetizzjonijiet tal-crossfit, iżda riċentament bdiet ukoll il-weightlifting u qed turi titjib fi żmien qasir.

Il-klabb Awstraljan Cougars Club rebaħ il-kompetizzjoni tal-klabbs segwit minn Taborio Club ta’ Kiribati u Rocks Clubs ta’ Nauru. L-aħjar riżultat miksub minn tim Malti wasal minn Alpha Weightlifting Club fejn spiċċaw fil-11-il post minn 43 klabb b’total ta’ 67 punt.