Lokali Qorti

Il-familja Caruana Galizia lesta tiftaħ proċeduri legali Ewropej kontra l-Gvern

Il-familja tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia ngħatat il-parir legali sabiex tiftaħ kawża Ewropea kontra l-Gvern, hekk kif ġie suġġerit li l-Gvern naqas milli jagħmel investigazzjoni xierqa fil-qtil tagħha.

Il-familja Caruana Galizia qalet li se jippreżentaw opinjoni legali ta’ 24 paġna lill-Kummissjoni Għolja f’Londra li fiha qed jiġi allegat li l-Gvern mhux qed jagħmel dmiru f’investigazzjoni xierqa taħt il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

F’intervista mal-BBC, it-tifel tal-ġurnalista Paul Caruana Galizia stqarr li l-qtil brutali ta’ ommu ma kienx wieħed spontanju, iżda t-theddid fuq ħajjitha kienu ilhom jaslu s-snin – b’attakki personali fuqha.

F’din l-opinjoni legali fformulata mill-avukati Caoilfhionn Gallagher QC u Jonathan Price, sar magħruf li l-Gvern Malti għandu sal-31 ta’ Awwissu sabiex jirrispondi għal din it-talba – u li jekk din it-talba sabiex issir inkjesta pubblika ma tintlaqax, se jinfetħu proċeduri legali fil-Qrati Maltin u possibbilment fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu.