Futbol Sport

Kovacic jiffirma ma’ Chelsea…b’Real Madrid jikkonkludu kuntratt ta’ sitt snin ma’ Courtois

Il-midfielder Kroat Mateo Kovacic iffirma b’self għal staġun wieħed ma’ Chelsea, skont il-ftehim li ntlaħaq bejn il-klabb tal-Premiership u ċ-Champions tal-Ewropa, Real Madrid. Dan waqt li l-Madrileni,illum, ippreżentaw lil Thibaut Courtois bħala l-gowlkiper ġdid wara l-ingaġġ tiegħu minn ma’ Chelsea, u fejn il-Belġjan iffirma kuntratt ta’ sitt snin mal-Merengues fil-preżenza tal-President Florentino Perez.

Mateo Kovacic, li għandu 24 sena, kien ilu tliet staġuni ma’ Real Madrid wara li kien ingħaqad magħhom minn mal-klabb Taljan tas-Serier A, Inter. Hu, intant, kien fl-iskwadra nazzjonali tal-Kroazja li, f’Ġunju, sfat megħluba, 2-4, minn Franza fil-finali tat-Tazza tad-Dinja.

Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-websajt ta’ Chelsea, Kovacic esprima l-ferħ tiegħu li ngħaqad mal-Blues u qal li qed iħares ‘il quddiem biex jgħin lill-klabb ta’ Londra jikseb aktar unuri domestiċi u fl-Ewropa. Dan meta Chelsea, li huma l-holders tal-FA Cup, din is-sena se jkunu impenjati fl-Europa League.

Kovacic kien issieħeb ma’ Real fis-sajf tal-2015 u għen lill-klabb Spanjol jirbaħ tliet Champions Leagues konsekuttivi. Il-Kroat hu t-tieni l-iżgħar plejer li qatt skorja fiċ-Champions League wara li kien sab ix-xibka kontra Lyon fl-età ta’ 17-il sena.