Lokali

Maltin fl-Indoneżja waqt sensiela ta’ terremoti

Fil-gżira ta’ Lombok fl-Indoneżja reġa’ kien hemm terremot ieħor qawwi wara t-terremot qawwi tal-bidu tal-ġimgħa.

Dan l-aħħar terremot kellu l-qawwa ta’ 6.2 u wassal beix jċedi ħafna bini li kien diġa sofra ħsara.

Qed tiżviluippa wkoll kriżi umanitarja hekk kif eluf qed jgħixu fil-miftuħ wara ġimgħatejn ta’ terremoti u bħala konsegwenza mingħajr aċċess għall-ilma jew ikel.

Fost dawk li ħelsuha ħafif, il-kollega ġurnalista Rebecca Toutoungi li flimkien mar-raġel tagħha Nader jinsabu fl-Indoneżja u l-ġimgħa d-dieħla kienu se jkunu f’waħda mil-lukandi li ġġarrfu.

Fortunatament għalihom, huma jinsabu f’Bali li hi meqjusa sigura minkejja li pjuttost qrib Lombok.

Min-naħa tiegħu Zack Ritchie, artist Malti li kien fl-Indoneżja flimkien mat-tfajla tiegħu Erika, għażel li l-vaganza tagħhom tintemm ħesrem wara t-terrimot tal-ġimgħa li għaddiet fl-istess pajjiż u frott il-biża’ minn tsunami.

Ma’ Net News jirrakkonta kif kienu fortunati li dakinhar għażlu li jmorru f’ħanut minflok kumpless ta’ stabbiliment biex jagħmlu x-xiri tagħhom.

Jgħid kif fir-residenza kif kienu qed joqgħodu ftit li xejn kien hemm ħsarat.

Tul dawn l-aħħar ġimgħatejn Lombok intlaqtet minn theżżiż qawwi li wassal għall-mewt ta’ aktar minn 150 persuna.