Lokali Qorti

FILMAT: Rikors Kostituzzjonali mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex jingħata l-inkjesta sħiħa

"Qed jinħoloq żbilanċ politiku evidenti"

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, akkumpanjat minn numru ta’ avukati, preżenta rikors il-Qorti sabiex tinfetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali – bil-qofol ikun it-talba għall-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta sħiħa li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant u l-involviment tal-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Waqt li kien qed jindirizza lill-ġurnalisti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia semma’ l-iżbilanċ politiku li nħoloq fil-pajjiż – hekk kif il-Gvern għandu kopja sħiħa tal-inkjesta, filwaqt li l-Oppożizzjoni għandha biss il-konklużjoni mingħajr id-dettalji tal-inkjesta.

Fir-rikors, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista talab sabiex b’mod immedjat l-Avukat Ġenerali jgħaddi kopja sħiħa tar-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali. Il-bażi legali li tressqet hi marbuta ma’ ksur tad-drittijiet protetti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem, u l-Kostituzzjoni ta’ Malta – partikolarment l-artikli tal-liġi marbuta mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u l-libertà tal-espressjoni.

Adrian Delia ressaq dan ir-rikors wara diversi talbiet u wara li fetaħ protest ġudizjarju, bl-Avukat Ġenerali baqa’ ma ppubblikax l-inkjesta sħiħa.

Ir-rikors kostituzzjonali għan-nom tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie preżentat mill-avukati Vincent Galea u Joe Giglio, flimkien mal-avukati Andre Portelli, Angelo Micallef, Antonio Depasquale, Errol Cutajar, Janice Chetcuti u Bernard Grech.