Edukazzjoni Lokali

Bżonn li l-Gvern ikun ċar u ma jitnikkirx dwar it-trasport tal-iskejjel

Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Gvern biex jasal għall-konklużjonijiet fi żmien tajjeb

Xahar u nofs mill-bidu ta’ sena skolastika ġdida, il-Partit Nazzjonalista innota b’diżappunt li dawk kollha interessati għadhom fil-għama dwar is-sistema ta’ trasport tal-istudenti mingħajr ħlas.

Dan intqal mill-PN fi stqarrija li saret mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, li hu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-edukazzjoni.

Clyde Puli fakkar illi din is-sistema tħabbret mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fil-budget għas-sena 2018 u kienet imwiegħda miż-żewġ partiti politiċi ewlenin fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

“Il-Gvern għadu qed iżomm lill-istudenti, il-ġenituri, il-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti u lill-kumpaniji u l-individwi li joffru servizzi ta’ trasport lill-istudenti sajmin għalkollox mill-informazzjoni meħtieġa dwar kif u meta se tkun imwettqa din il-wegħda.”

Il-PN fakkar ukoll li s-sena skolastika ftit li xejn baqgħalha biex tibda u l-ġenituri kif ukoll l-operaturi tat-trasport tal-iskejjel ikunu qed jippjanaw għas-sena skolastika li tibda x-xahar id-dieħel. Għalhekk appella lill-Gvern biex kemm jista’ jkun malajr jinforma b’mod ċar lil kull min hu involut dwar kif se tiġi introdotta u implimentata din l-inizjattiva u ma jibqax jitnikker fid-diskussjonijiet u l-informazzjoni dwarha.

Il-Partit Nazzjonalista insista li din l-inizjattiva kienet wegħda fil-programm elettorali taż-żewġ partiti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu aktar minn sena biex jistudja kif se jimplimentaha.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-Gvern biex jasal għall-konklużjonijiet fi żmien tajjeb ħalli jassigura li dawk kollha involuti jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju l-loġistika għat-twettiq ta’ din il-wegħda tal-partiti ewlenin it-tnejn.