Lokali

David Casa: “It-theddid minn Pilatus Bank mhux se jwaqqafni”

Il-kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, għamilha ċara li t-theddid li qed isir fil-konfront tiegħu mill-Pilatus Bank mhux se jwaqqfu mill-ħidma tiegħu.

Fi stqarrija, Casa fakkar kif il-bank Pilatus għamel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, tant li l-liċenzja tal-bank kellha tiġi revokata. Qabel sar dan, “il-bank kien jopera b’impunità, tant li poġġa f’riskju lis-settur finanzjarju ta’ Malta u l-għixien ta’ ħafna.”

David Casa fakkar kif “Pilatus Bank, li s-sid tiegħu qed jaffaċċja sentenza ta’ 125 sena ħabs fl-Istati Uniti fuq diversi akkużi, fosthom ħasil ta’ flus, kien il-bank li uża Keith Schembri u dawk qrib tiegħu biex jaħslu l-flus tant li bħalissa għaddejjin diversi inkjesti maġisterjali.”

“Il-lista ta’ klijenti tal-bank hi ddominata minn persuni mill-Ażerbajġan li huma esposti politikament,” iddikjara Casa, li kompla kif fid-dawl ta’ dan kolu, l-inkjesta ppubblikata s’issa mhix dwar dan il-bank li għadu taħt investigazzjoni.

Għalhekk qal li “l-attakk li qed isir hu biss parti minn sforz koordinat li għandu biss skop li jqarraq u jiżgwida f’sitwazzjoni li hi perikoluża u depolorabbli.” David Casa kompla li “Pilatus Bank qiegħed jirrepeti t-talbiet tal-Partit Laburista biex jittieħdu passi fil-konfront tiegħi għax iġġilidt għall-ġustizzja u l-verità, meta huma dawk li għandom jitressqu quddiem il-ġustizzja.”

David Casa għamilha ċara li “jekk Pilatus Bank jaħseb li t-theddid se jwaqqafni milli nagħmel xogħoli, se jkun diżappuntat bi kbir.”