Futbol Sport

Seedorf: Kuntratt ta’ erba’ snin bħala l-manager ta’ Kamerun

L-eks-plejer internazzjonali Olandiż, Clarence Seedorf, iffirma kuntratt ta’ erba’ snin bħala l-manager tat-tim nazzjonali ta’ Kamerun, imlaqqam bħala ‘l-Iljuni Indomabbli’.

Il-Federazzjoni tal-Futbol (Fecafoot) ta’ Kamerun, il-ġimgħa l-oħra, kkonfermat li Seedorf se jieħu r-riedni ta’ dan it-tim, għal ħames darbiet champions tal-Afrika, u li hu se jkollu bħala assistent lill-eks-plejer Olandiż u eks-sieħbu ma’ Ajax, Patrick Kluivert.

Seedorf, li bħala plejer kellu karriera brillanti ma’ diversi klabbs, fosthom Real Madrid, Milan u Inter, qed jieħu post Hugo Broos, li s-sena l-oħra kien strumentali fis-suċċess ta’ Kamerun fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.

Intant, Seedorf, li hu wkoll eksmanager ta’ AC Milan u Deportivo La Coruna, irid jipprepara lil Kamerun biex, is-sena d-dieħla, jiddefendu t-titlu ta’ Champions tal-Afrika meta l-logħob tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani se jsiru f’pajjiżu. Clarence Seedorf u Kluivert qed jaħsbu wkoll biex it-tim jikkwalifika għall-edizzjoni tal-2021 ta’ dan it-tournament kif ukoll għat-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar.

Il-kuntratt għal Seedorf u Kluivert, li jibqa’ effettiv sal-2022, ifisser li ż-żewġ ikoni Olandiżi jridu jgħixu fil-Kamerun u jipprovdu wkoll appoġġ lit-tims nazzjonali tal-pajjiż fid-diversi kategoriji.