Sport Waterpolo

Sliema jilħqu momentarjament lil Neptunes

Christian Presciutti jipprova iqabbeż il-ballun fuq Ryan Sciortino (Ritratt: Martin Agius)

SLIEMA FRANK SALT…………. 13

VALLETTA VIDEOSLOTS……. 3

(2-1), (2-1), (4-0), (5-1)

Sliema Frank Salt jinsabu momentarjament daqs Neptunes fit-tieni post tal-klassifika, b’rebħa ta’ 13-3 fuq Valletta Videoslots li mmaturat fl-aħħar żewġ sessjonijiet.

Is-Slimiżi qed ifittxu li jispiċċaw l-ewwel fażi fit-tieni post li jfisser li jidħlu dirett fis-semifinali tal-play-offs u għalhekk iridu jirbħu l-aħħar logħba kontra Exiles filwaqt li jittamaw li Neptunes jitilfu xi punti kontra Exiles u San Ġiljan.

Valletta kellhom prestazzjoni pożittiva fl-ewwel parti tal-logħba u setgħu kien f’pożizzjoni aħjar kieku ħadu l-okkażjonijiet li kellhom. Iżda wara li Sliema fetħu distakk ta’ erba’ gowls, il-partita kellha naħa waħda.

Christian Presciutti fetaħ l-iskor wara li qabad id-difiża Beltija fuq sieq waħda. Marton Toth ġab id-draw mill-viċin iżda Nicholas Bugelli reġa’ poġġa lis-Slimiżi minn fuq b’gowl mix-xellug għar-rokna.

It-tieni sessjoni kienet identika għall-ewwel darba mhux biss minħabba l-gowls skorjati iżda minħabba l-andament tal-logħba. Valletta kienu solidi fid-difiża u ma kinitx faċli għal Sliema li jiskorjaw, minkejja li fallew ukoll xi okkażjonijiet. Jerome Gabarretta skorja gowl tipiku mis-centre, u minkejja li Charlie Zammit naqqas id-distakk, Michael Spiteri Staines għamilhom 4-2 b’xutt b’saħħtu.

Sliema tjiebu wara l-mistrieħ u ħadu vantaġġ mill-ispazji li ħallew Valletta. Kien Christian Presciutti li skorja l-ewwel gowl fis-sessjoni u wara l-gowl ta’ Michael Spiteri Staines li għamilhom 6-2, Sliema wittew it-triq għar-rebħa.

It-tim ta’ Sergio Afric beda l-aħħar sessjoni 8-2 minn fuq. Ir-rotazzjoni fit-tim kompliet iżda Sliema baqgħu jiddettaw il-logħob, b’Valletta demoralizzati filwaqt li xi kultant ipprotestaw kontra xi deċiżjonijiet arbitrali. Sliema rebħu wkoll l-aħħar sessjoni għal rebħa komda.

Sliema: J. Sammut, J. Gabarretta (2), C. Presciutti (5), M. Carani (1), M. Meli, K. Dowling (1), M. Spiteri Staines (2), D. Fenech, M. Cordina, M. Mifsud, Z. Mizzi, N. Bugelli (2), Z. Sciberras

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, M. Mifsud, T. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Toth (2), N. Bonello Ghio, C. Zammit (1), N. Farrugia, M. Lanzon

Referees: Francesco Romolini, Alex De Raffaele

Marsaxlokk jirbħu logħba bla storja

OTTERS NIVEA…………………. 5

MARSAXLOKK BROWN’S….. 16

(0-2), (1-5), (0-3), (4-6)

Marsaxlokk Brown’s Pharmacy aċċertaw li jispiċċaw l-ewwel fażi tal-kampjonat tal-anqas fit-tieni post, wara li ddominaw u kisbu rebħa faċli ta’ 16-5 fuq Otters Nivea. Partita bla storja, b’Marsaxlokk jiddominaw mill-ewwel minuta, u kien biss fl-aħħar sessjoni li t-tim Għawdxi nġabar biex għamel l-iskor ftit rispettabbli.

Marsaxlokk rebħu l-ewwel sessjoni b’gowls ta’ Michael Rizzo u Norbert Hosnyanszky. Ix-Xlukkajri prattikament assiguraw ir-rebħa fit-tieni sessjoni hekk kif fetħu vantaġġ ta’ sitt gowls, b’Claudio Spiteri Debarro jispikka b’doppjetta.

Id-distakk kompla jikber fit-tielet sessjoni b’Marsaxlokk jiskorjaw tliet gowls oħra permezz ta’ doppjetta ta’ Joseph Galea u Luke Calleja. Il-partita naqset fir-rendiment u b’distakk enormi tilfet l-istorja tagħha.

Otters irnexxielhom jaqsmu ftit il-logħba mal-avversarji, anki għal fatt li l-kowċ ta’ Marsaxlokk Roman Polacik kompla jdawwar it-tim u jagħtu spazju lill-plejers li jilagħbu anqas.

Fl-aħħar sessjoni spikka l-Ungeriż Norbert Hosnyanszky li skorja tripletta, b’Attila Kincses jiskorja doppjetta lejn it-tmiem għal Otters. Lejn tmiem il-logħba tkeċċa Sean Meli għal Marsaxlokk wara fawl ta’ brutalità.

Otters: M. Xerri, A. Magri, A. Camenzuli, L. Felice, E. Meli, C. Bugeja (1), K. Scicluna (1), A. Kincses (2), D. Dimech, E. Gravina, M. Aquilina, M. Sciberras (1), K. Schembri

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro (2), L. Calleja (2), C. Bonello, C. Gialanze (1), N. Hosnyanszky (5), S. Meli (1), M. Rizzo (1), B. Buhagiar, M. Pace (1), M. Cacici (1), J. Galea (2), K. Lanzon

Referees: Massimo Angileri, Massimiliano Ruscica