Knisja Lokali

Żieda fl-ispejjeż biex jitjiebu s-servizzi twassal għal tnaqqis fis-‘surplus’ tal-Knisja f’Malta

L-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat tnaqqis ta’ €1.44 miljun fis-‘surplus’ nett għal total ta’ €370,000 fl-2017 meta mqabbel ma’ €1.81 miljun rreġistrat fl-2016.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, li nżammet fil-Kurja tal-Arċisqof u kienet indirizzata fost l-oħrajn mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi Michael Pace Ross, fejn kien spjegat kif l-infieq żdied partikolarment kawża tal-impenn kontinwu mill-Knisja f’Malta biex ittejjeb s-servizzi pastorali.

Dan ġab miegħu żieda fl-impjegati fl-entitajiet kollha tal-Arċidjoċesi. Fost l-oħrajn kienu rreġistrati wkoll żidiet sinifikanti fir-riżorsi umani fid-djar għall-anzjani, fid-djar għat-tfal, fid-djar għall-persuni b’diżabbiltà u fil-Kurja nnifisha. Din iż-żieda fir-riżorsi umani kienet meħtieġa biex jitjiebu s-servizzi mogħtija lir-residenti rispettivi.

Sal-aħħar tal-2017, b’kollox l-Arċidjoċesi kienet tħaddem 1,209 persuni, li 883 minnhom kienu fuq bażi full-time. Minbarra dawn l-impjegati lajċi, l-Arċidjoċesi pprovdiet remunerazzjoni lil 262 Saċerdot Djoċesan.

Il-Knisja f’Malta kompliet taħdem ukoll biex tippreserva u żżomm f’kundizzjoni tajba l-wirt kulturali tagħha, tant li żiedet ukoll in-nefqa għar-restawr u l-konservazzjoni fuq il-propjetà u fuq l-opri tal-arti.

Fl-istess waqt kien hemm ukoll telf fuq l-iskambju minħabba d-djgħufija tad-Dollaru Amerikan kontra l-ewro, li kellu impatt negattiv. Dan meta l-ħlas annwali tat-taxxa ammonta għal €1.11 miljun.

Michael Pace Ross spjega li ż-żieda fl-infieq kienet possibbli grazzi għad-dħul ta’ €2.1 miljun. Min-naħa l-oħra, iż-żieda ta’ €480,000 fil-ġbir u d-donazzjonijiet mill-pubbliku għamlet tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul minn ‘fundraising’.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Gvern lid-djar għat-tfal u lill-Caritas fost l-oħrajn żdiedu b’€1.13 miljun, filwaqt li d-dħul mill-miżati tar-residenti fid-djar għal-anzjani żdiedi primarjament grazzi għall-ftehim ta’ ‘public private partnership’.

Min-naħa tagħha, il-Kurja tal-Arċisqof irreġistrat ‘surplus’ nett ta’ €890,000 wara t-tqassim tas-sussidji u t-telf fuq l-iskambju. Żieda fis-sussidji fis-sena li għaddiet ingħatat lil diversi entitajiet tal-Arċidjoċesi, filwaqt li ġew ikkontrollati l-ispejjeż operattivi.

Iżda l-ispejjeż relatati ma’ xogħolijiet ta’ tiswija u manutenzjoni żdiedu bi 15% kawża tat-tkomplija tax-xogħolijiet estensivi li nbdew fl-2016 fuq propjetà tal-Knisja. Id-dħul mill-investiment żdied ukoll b’riżultat ta’ dividend ogħla mill-Bank APS.

F’kumment ta’ apprezzament, Michael Pace Ross irrikonoxxa li llum il-ġurnata, aktar persuni u entitajiet qed jagħżlu li jaħdmu fil-qrib mal-Knisja f’Malta u dan qed jagħmilha possibbli li l-entitajiet tal-Arċidjoċesi joffru servizz aktar professjonali b’risq dawk l-aktar fil-bżonn.