Lokali

FILMAT: Ara l-mument li tliet ċikonji nqatlu l-Ġimgħa filgħaxija

Ċiklist li kien qed jammira xena mill-isbaħ ta’ tliet ċikonji jistrieħu fuq arblu tad-dawl, minflok spiċċa jiġbed il-mument li persuna mhux magħrufa sparat fuqhom u qatlithom.

Fil-filmat jidher ċar il-mument fejn l-ewwel tir gerrex liċ-ċikonji, b’wieħed minnhom jidher nieżel mal-art. it-tnejn l-oħra nqatlu biss mumenti wara t-tmienja tal-Ġimgħa filgħaxija.

Iċ-ċikonji kienu parti minn qatgħa ikbar, ta’ madwar 18, li paxxew lil ħafna u offrew spettaklu waqt li kienu qed itiru fuq Għawdex, u iktar tard fl-inħawi ta’ Ħad Dingli, ir-Rabat u l-Imdina.

Lejliet, l-għasafar dehru f’Pozzallo, Sqallija, ftit sigħat qabel bdew il-passa lejn pajjiżna. Minn dawn, erbgħa ntlaqtu minn xi tiri, waqt li tnejn oħra ma dehrux iżjed, aktarx wara li sofrew l-istess destin. Dan ifisser li għad fadal biss 12-il ċikonja.

Birdlife Malta titlob lill-Prim Ministru jinforza l-liġi bis-serjetà

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li r-raġel li spara fuq iċ-ċikonji deher jiġbor tnejn minnhom, qabel induna li kien qed jiġi segwit u ħarab mill-post. Kawża ta’ dan hu ħalla wieħed miċ-ċikonji mal-art.

Apparti li hu llegali li wieħed jispara fuq iċ-ċikonjii, għaliex hi razza protetta bil-liġi, dan l-episodju seħħ ukoll f’perjodu fejn l-istaġun tal-kaċċa jinsab magħluq u allura mhux permessa kaċċa fuq l-ebda speċi.

F’reazzjoni, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri kkundanna dan l-inċident u qal li l-illegalitajiet mhux se jiġu tollerati. Iżda fl-istess waqt BirdLife nnutaw li minkejja li sar rapport, għadda wisq żmien qabel waslu l-ewwel uffiċjali tal-Pulizija fil-post u allura meta kien tard wisq.

Mhux hekk biss, iżda l-istess NGO tgħid ukoll li ma kienx hemm uffiċjali tal-ALE biex jirrispondu għal dan l-inċident, tant li l-għasfur kien irkuprat minn Spettur.

L-għada li seħħ dan l-inċident, iċ-ċikonji li fadal dehru f’diversi lokalitajiet, fosthom Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ b’duffiċjali tal-Pulizija jsegwuhom kull fejn marru biex jiżguraw is-sigurtà tagħhom.

BirdLife Malta qalet li l-qtil taċ-Ċikonji Bojod ma kienx inċident iżolat imma xhieda ċara ta’ kemm hi mifruxa l-kaċċa illegali. BirdLife Malta ilha s-snin tappella lill-Prim Ministru biex iwaqqaf crime unit u stqarret li ma tistax tifhem dan in-nuqqas ta’ ħajra biex din titwaqqaf.

Kundanna mill-Kaċċaturi San Ubertu

Kaċċaturi San Ubertu KSU bla riservi jqisu il-qtil ta’ għasafar protetti bħala att kundanabbli fis-soċjetà ta’ llum li jista’ biss jitqies bħala att kriminali. F’Malta għandna l-aktar pieni ħorox għal każi simili iżda xorta min ħin għal ħin jitwettaq xi att simili minkejja li l-maġġaronza tal-kaċċaturi josservaw il-liġi.

L-għaqda tiddikjara li atti simili jitfgħu dell ikraħ fuq il-kaċċaturi kollha għax settur ta’ dawk li jipporteġu l-għasafar jgħixu minn fuq il-perċezzjoni qarrieqa li tali atti jseħħu minħabba apatija minn naħa tal-Gvern u abbuż sfrenat minn naħa tal-kaċċaturi kollha. Dan iseħħ biex jiġbru l-appoġġ tal-pubbliku.

madankollu l-għaqda tiddikjara li l-kaċċatur huwa fost ta’ quddiem dwar l-edukazzjoni tal-protezzjoni ta’ l-għasafar protetti kif ukoll proġetti ambjentali għal benefiċċju ta’ l-għasafar. Iżda l-azzjoni ta’ xi kriminali irresponsabbli , li bil-probbabiltà kollha la għandhom liċenzja u lanqas senter reġistrat, qed jirrovinaw l-isem tajjeb li qed jibni il-kaċċatur risponsabbli.

Il-pieni ħorox fil-liġijiet Maltin jinsabu hemm biex jikkistagaw tali kriminali.

Filmat: Joseph Psaila