Lokali

“F’Malta hawn 250,000 qattus abbandunat fit-toroq”

Il-Coalition & Co-op 4 Animal Rights stqarret it-tħassib tagħha għall-istat tal-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna f’ittra li ntbagħtet lill-Prim Ministru. Tħassib li wassalha biex twissi li jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx drastikament, ma jkolliex għażla oħra ħlief li tressaq dan kollu fuq livell Ewropew.

L-ittra ntbagħtet fil-25 ta’ Mejju li għadda, bil-Koalizzjoni titlob għall-azzjoni hekk kif f’pajjiżna hawn mal-kwart ta’ miljun qattus abbandunat fit-toroq. Dan minbarra l-klieb.

Iżda minn dakinhar ma ttieħdet l-ebda azzjoni, tant li l-Koalizzjoni fl-aħħar sigħat kellha tibgħat l-ittra lill-midja wara dik li sejħet bħala t-traġedja taż-żiemel li miet fil-Floriana.

Fl-ittra, il-Koalizzjoni tgħid lill-Prim Ministru li mindu bidel lis-Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali, biex illum hemm Clint Camilleri, is-sitwazzjoni kompliet taggrava.

“Ma sar l-ebda sforz biex ikun ikkontrollat l-ammont dejjem ikbar ta’ qtates jiġru fit-triq,” tgħid il-Koalizzjoni, “li tappella għal proġett ta’ neutering, l-għoti ta’ vouchers ta’ neutering u azzjoni biex jiġi eliminat l-abbuż kif ukoll għajnuna lill-feeders u santwarji li mhux ilaħħqu u qed ifuru bl-ammont ta’ annimali li fihom.”

L-istess Koalizzjoni tissuġġerixxi li l-uffiċji tal-Animal Welfare jsiru f’post ieħor waqt li l-Għammieri jgħaddi f’idejn santwarji tal-annimali biex jikkontrollaw din il-problema u dawn l-NGOs ikunu f’siti aħjar.

Issir riferenza wkoll għall-ħatra ta’ Chairperson tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali, li jingħad li għandha kunflitt ta’ interess hekk kif hi nvoluta direttament fi klabbs tal-qtates fejn dawk li jgħammruhom u jbiegħuhom għal eluf ta’ ewro.

Jappellaw biex din iċ-chairperson “tinbidel ma’ persuna li għandha esperjenza u mhux persuna li tuża stazzjonijiet lokali biex tippromwovi l-aġenda tagħha li l-annimali jintużaw għall-flus waqt li l-Kunsill tal-Ħarsien tal-Annimali jibqa’ sieket quddiem każi ta’ moħqrija tal-annimali.”

Il-Koalizzjoni tikkundanna wkoll lil Clint Camilleri, li fi kliemhom “diġà kkawża kunflitt hekk kif hu kaċċatur u m’għandux idea dwar annimali abbandunati. Għandu jinbidel ma’ xi ħadd entużjasta biex jaħdem f’dan is-settur, waqt li hemm bżonn żvilupp fl-Għammieri u taħriġ tal-impjegati.”

Fl-ittra pjuttost dettaljata, isir appell biex il-breeders ikunu reġistrati bil-VAT, jingħataw liċenzja wara spezzjonijiet regolari, issir kampanja nazzjonali dwar neutering, il-klieb kollha jiġi microchipped bil-liġi b’wardens li jiċċekkjaw li l-annimali jkunu ċċippjati kif ukoll li tiddaħħal il-liġi kontra l-klieb marbuta bil-ktajjen u t-twaqqif tat-tlielaq fl-eqqel tax-xemx jew l-użu tal-karozzini f’temperaturi għolja.

Jitfakkar ukoll kif ħwienet lokali qed ibiegħu mingħajr kontroll numru ta’ annimali eżotiċi, uħud li jiddaħħlu llegalment minn Sqallija.