Internazzjonali

Il-bastiment ‘Aquarius’ ikompli l-ħidma tas-salvataġġ barra l-Libja

Iż-żewġ gruppi ta’ fejda Franċizi responsabbli mill-bastiment ‘Aquarius’ qalu li dan il-bastiment ‘jinsab lura fl-ibħra tal-Libja’ għall-ewwel darba mindu, f’Ġunju, kien spiċċa fiċ-ċentru ta’ tilwima diplomatika dwar l-immigrazzjoni.

L-aħħar rapporti – ikkonfermati mill-NGOs, SOS Mediterranee u Doctors Without Borders — qalu li l-Aquarius, fl-aħħar sigħat, tella aktar minn 140 persuna mill-baħar waqt żewġ missjonijiet separati. Intant, jidher li l-‘Aquarius’ baqa’ fiz-zona tas-search and rescue fejn kien attent għal kwalunkwe sitwazzjoni problematika li setgħet tinvolvi xi vapur jew dgħajsa bl-immigranti.

Sar magħruf li f’waħda mill-missjonijiet, l-‘Aquarius’ tella madwar 116-il immigrant li kienu jinkludu mas-sebgħin tfal, fil-parti kbira mis-Somalja u l-Eritrea, li ma kenux akkumpanjati mill-ġenituri. Id-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw biha ma kellhiex provvisti tal-ikel u l-ilma abbord meta ntlemħet mill-ekwipaġġ tal-‘Aquarius’, xi 24 mil nawtiku ‘il hinn mill-kosta tal-Libja.

Aktar qabel l-‘Aquarius’ kien salva madwar 25 immigrant minn dgħajsa żgħira li wkoll kienet ftit ‘il barra mill-kosta Libjana, lejn it-Tramuntana ta’ Zouara.

L-impenji tas-salvataġġ, ikkonfermaw ‘ir-ritorn’ tal-bastiment wara l-battibekk diplomatiku li kien żbroffa fil-lejl tad-9-10 ta’ Ġunju. Dan meta l-‘Aquarius’ – wara li kien ġabar xi 630 immigranti iżolati, fosthom tfal u nisa tqala – kien irrifjutat aċċess lejn Malta, imbagħad l-Italja.

Il-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Salvini, imbagħad kien hedded biex ‘idawwar ‘il hinn’ kwalunkwe dgħajjes involuti fis-salvataġġ tal-immigranti u fejn qamet kwistjoni taħraq fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar kif għandhom jirreaġġixxu għall-influss tal-immigranti u refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-gwerer u l-faqar.

Wara li l-‘Aquarius’ kien dam wieqaf fuq il-baħar għal diversi jiem, il-Gvern ta’ Spanja deċieda li jiftaħlu l-aċċess, b’dan il-bastiment, fis-17 ta’ Ġunju, jidħol fil-port ta’ Valencia fejn setgħu jiżbarkaw l-immigranti ta’ fuqu.