Lokali

RITRATTI: Protesta kontra l-użu tal-karozzini fit-toroq

L-inċidenti riċenti jqajjmu diskussjoni u kontroverzja jekk post iż-żiemel hux fit-triq, flimkien mal-karozzi u l-konġestjoni tat-traffiku.

F’xemx li taqli l-ankri saret protesta fi Pjazza Tritoni mill-Animali Liberation Malta, l-ALM, kontra dak li sejħu bħala abbuż ta’ madwar 200 żiemel f’pajjiżna li xogħlu huwa li jdur bil-karozzin.

L-istess għaqda ħarset lejn sensiela ta’ inċidenti riċenti. Fost dawn, dak fi Triq Nazzjonali, fejn ġie allegat li żiemel inxteħet fl-art kawża tas-sħana, għalkemm is-sidien jisħqu li żelaq fuq xi żejt, waqt li dak tal-aħħar jiem fi Triq San Franġisk fil-Floriana wassal biex iż-żiemel miet, allegatament wara attakk tal-qalb.

L-għan tal-protesta kien li anke dawk li jipprotestaw jwasslu l-messaġġ tagħhom billi jkunu barra fix-xemx fl-għeqel tas-sħana, u jħossu dak li jħossu ż-żwiemel.

Robert Xuereb kelliem għall-ALM qalilna dwar għalxiex kienu qegħdin biswit il-funtana ta’ Tritoni. Huwa qal lil il-mument li issa wasal iż-żmien biex din it-tradizzjoni tiġi fi tmiemha. Huwa qal li huwa fatt li din hija tradizzjoni li ilha numru tas-snin, iżda issa hemm bżonn li ż-żiemel jiġi mħares. Xuereb qal li l-istat taż-żwiemel fit-toroq Maltin huwa biss krudeltà speċjalment fis-sħana u kif ukoll fuq l-art li tkun qed tagħli fl-eqqel tas-sajf.

“Il-messaġġ huwa lejn Kastilja, hemm bżonn ta’ azzjoni.”

Il-messaġġ tagħhom huwa indirizzat lejn il-Gvern u l-awtoritajiet biex l-awtoritajiet konċernati jagħmlu l-pass li li ALM qed taħdem għalih. Dak li jneħħu l-karozzini mit-toroq Maltin.

“Jiena Malti, iżda fostna hawn ħafna barranin”

Mistoqsi dwar il-kartelluni li kienu bl-Ingliż, huwa qal li għalkemm dawn huma bl-Ingliż, l-istess għaqda sabet l-appoġġ minn numru ta’ Maltin, u fl-istess protesta kien hemm ukoll il-Maltin. Huwa qal li l-kartelluni saru bl-Ingliż għax b’hekk il-messaġġ jasal kemm għand il-Maltin u kif ukoll għand il-barranin li jgħixu f’pajjiżna. Xuereb iżda qal li kien ikun aħjar kieku kien hemm numru ta’ kartelluni bil-Malti.

L-inċidenti li seħħew fl-aħħar jiem qajmu dibattitu sħiħ fuq il-midja soċjali u kif ukoll kontrioversja apparti minn numru ta’ individwi fuq dan is-suġġett u jekk dan is-servizz għandux jibqa’ jiġi offrut fl-eqqel tas-sajf, u kif ukoll anki fil-bqija ta’ fost is-sena.

Ritratti Matthew Tabone.