Lokali Qorti

Tisraq minħabba d-droga – mistennija tingħata sentenza ta’ ħabs

Il-vizzju tad-droga wassal biex mara ta’ 40 sena mistennija tintbagħat il-ħabs b’sentenza ta’ priġunerija effettiva.

Alexia Margo Calleja, li għandha 40 sena u ddikjarat li m’għandiex fejn tgħix, ammettiet li serqet b’valur ta’ iktar minn €6,000 f’ġojjellerija minn ħwienet fil-Belt Valletta u l-Floriana.

Calleja ammettiet li serqet ġojjellerija b’valur ta’ €3,000 minn Diamonds International ta’ Triq ir-Repubblika, u f’każ ieħor ħadet b’€1,100 f’ġojjellerija minn ħanut ieħor, Victor Azzopardi Jewellers ta’ Triq Sant’Anna, il-Floriana.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ipetturi tal-Għassa tal-Belt, Daryl Borg u Alfredo Mangon, qalu li Calleja wettqet l-ewwel serqa fit-13 ta’ Lulju meta qarrqet bl-impjegata u aljenatha li trid tara xi ċrieket tat-tieġ.

Kien hawn li qabdet ċurkett u poġġietu fil-but tal-qalziet, qabel irritornat l-għada iżda ma rnexxiliex tisraq mill-ġdid. F’Awwissu imbagħad kien il-ħanut tal-Floriana li safa’ vittma tagħha meta serqet pendenti tad-deheb iżda dehret f’kameras tas-sigurtà minn fejn inqabdet.

Wara li tressqet il-Qorti s-Sibt filgħodu, quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, is-sentenza ta’ Calleja mistennija tingħata nhar it-Tnejn filgħodu, u kienet imwissija mill-Maġistrat  li se tintbagħat il-ħabs hekk kif hi riċediva.

Il-Maġistrat Mifsud qal li għandu dover li jipproteġi lis-soċjetà, iżda fl-istess waqt ħa nota li l-mara għandha bżonn l-għajnuna minħabba d-droga u qal li se jara li tingħata din l-għajnuna.

Dan hekk kif ilha maħkuma minn dan il-vizzju għall-aħħar għaxar snin, tant li kienet sfurzata tisraq u tbiegħ dak li tisraq biex tiffinanzja l-vizzju tagħha.