Lokali

FILMAT: Madwar 120 immigrant inqabdu jgħixu f’razzett tal-baqar

Aktar dettalji fil-ħin li ġej

Sid razzett tal-baqar fil-limiti ta’ Ħal Qormi kien qed idaħħal iżjed minn €10,000 fix-xahar mill-kirjiet lill-immigranti li kien qed jospita ġewwa l-istess razzett. L-immigranti kienu jħallsu sa €100 fix-xahar sabiex jgħixu f’post b’kundizzjonijiet gravi.

Illum ittieħdet azzjoni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar fejn ġew imċaqalqa dawn l-istess immigranti mill-post sabiex jinstab post alternattiv fejn jgħixu. Ir-razzett ġie trasformat għal residenza għal dawk il-ħaddiema barranin li qed ifittxu post irħis fejn jgħixu. L-Awtorita’ tal-Ippjanar flimkien mal-Pulizija għalqu l-strutturi kollha tal-istess razzett. Fir-razzett nstabu jgħixu madwar 120 immigrant f’kundizzjonijiet ħziena ħafna.

Ir-razzett huwa mqassam f’diversi kmamar kbar u garaxxijiet li fihom hemm saqqijiet sabiex jorqdu l-immigranti. Il-gravità tal-kundizzjonijiet spikkat fil-fatt li f’garaxx minnhom kienu qed joqogħdu madwar 35 ruħ. Fl-istess razzett kienet evidenti li l-immigranti kienu qed jgħixu ma’ annimali oħra fosthom tiġieġ u sriedaq. L-Awtorita’ tal-Ippjanar innutat li l-kmamar lanqas kellhom faċilitajiet bażiċi jew tip ta’ privatezza. Innutaw ukoll li l-kmamar tal-banju u s-showers kienu ta’ periklu għal dawk li jagħmlu użu minnhom.

NET News hu infurmat li l-immigranti għandhom permess ta’ residenza maħruġa mill-Gvern Taljan, li tfisser li dawn l-ewwel waslu l-Italja u eventwalment vjaġġaw u waslu Malta. L-irregolarità li nstabet kienet li huma qegħdin jgħixu f’razzett li mhux suppost jgħixu fih in-nies.

Filfatt, l-immigranti li kienu qed jaslu fuq il-post kienu jidhru pjuttost imfixkla u nsistew li huma għandhom il-permess biex jaħdmu u jgħixu f’pajjiżna.

Fuq il-post issejħu ħaddiema tal-Enemalta sabiex jinqata’ s-servizz tal-elettriku.

Fi stqarrija l-Awtorita’ tal-Ippjanar qalet li ser tkun qed tassigura li r-razzett jintuża kif suppost bil-monitoraġġ tal-uffiċjali tagħhom.