Futbol Sport

Gowl mill-isbaħ ta’ Dembele jagħti s-Super Cup lil Barcelona

(Ritratt: AFP/Getty Images)

Gowl mill-isbaħ ta’ Ousmane Dembele bi ftit aktar minn għaxar minuti għat-tmiem, fisser il-gowl tar-rebħa li bih Barcelona għelbu lil Sevilla 2-1 biex rebħu s-Super Cup Spanjola f’logħba li ntlagħbet fi Stade Ibn Batouta f’Tanġier.

Il-VAR intużat għall-ewwel darba fil-futbol Spanjol biex Sevilla marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Pablo Sarabria. Ir-referee Carlos Cerro del Grande rrefera għat-teknoloġija biex assigura li Sarabria ma kienx f’pożizzjoni ta’ offside.

Barcelona ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Gerard Pique skorja mir-rebound wara li free-kick ta’ Lionel Messi ħabat mal-lasta. Wara l-gowl ta’ Ousmane Dembele fit-78 minuta, Sevilla kellhom ċans li jġibu d-draw fid-90 minuta iżda l-penalty ta’ Wissam Ben Yedder kien salvat mingħajr diffikultà minn Marc Andre ter Stegen.

Din kienet l-ewwel darba mill-1951 li s-Super Cup intlagħbet fuq logħba waħda filwaqt li b’dan l-unur, Lionel Messi sar l-aktar plejer li rebaħ unuri ma’ Barcelona b’total ta’ 33 trofew.