Futbol Sport

Keita Balde uffiċjalment plejer ta’ Inter

Keita Balde hu plejer ġdid ta’ Inter wara li lbieraħ ħarġet l-uffiċjalità, hekk kif il-Ħadd filgħaxija wasal Milan fejn għamel l-eżami mediku. Keita li għandu 23 sena, ħalla lil Monaco wara li Inter laħqu ftehim mal-klabb Franċiż biex jakkwistaw lill-plejer b’self ta’ €5 miljun bi dritt li l-plejer jinxtara għal kollox għal somma ta’ €34 miljun. Il-plejer iffirma kuntratt ta’ ħames snin.

Fl-ewwel kummenti tiegħu bħala plejer ta’ Inter, Balde qal li Spalletti kien importanti ħafna biex ingħaqad magħhom u jittama f’esperjenza tajba ma’ Inter. L-aġent ta’ Keita Balde, Calenda, qal li Spalletti hu l-persuna ġusta fil-mument perfett li jgħin lil Keita jagħmel il-qabża fil-kwalità li għandu bżonn.

Keita jista’ jkun għad-dispożizzjoni ta’ Spalletti għall-ewwel logħba ta’ Inter fis-Serie A l-Ħadd filgħaxija kontra Sassuolo. Dan minħabba li s-Senegaliż għamel il-preparazzjoni fiżika ma’ Monaco u saħansitra lagħab it-tieni taqsima tas-Super Cup ta’ Franza kontra PSG.