Lokali

Twieġeb il-Koalizzjoni tad-Drittijiet tal-Annimali

Il-Koalizzjoni għad-Drittijiet tal-Annimali tiddiżassoċja ruħha mill-istqarrija maħruġa mill-Coalition and Coop 4 Animal Rights.  Din l-istqarrija għandha numru ta’ punti b’informazzjoni skorretti primarjament riedu jisħqu li għal dawn l-aħħar erba’ snin NGOs li jaħdmu għall-ħarsien tal-Annimali kellhom l-opportunità li japplikaw għall-għotja mill-Gvern. Ħafna minn dawn l-NGOs li kkwalifikaw għal din l-għajnuna ħadu l-għotja ta’ darba fis-sena. Għal dawn l-aħħar snin kien hemm ukoll kampanji ta’ tiswija ta’ annimali li minnhom gawdew kemm sidien kif ukoll santwarji tal-annimali.

Il-Koalizzjoni qalet li żewġ rappreżentanti tagħha fil-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali ddiskutew flimkien maċ-Chairperson u membri oħra tal-Kunsill biex fix-xhur li ġejjin jkun hemm kampanja kontinwa ta’ tiswija tal-annimali.

Il-Koalizzjoni għad-Drittijiet tal-Annimali qalet li r-rappreżentanti tagħha fil-kunsill għall-ħarsien tal-annimali jaħdmu b’mod amikevoli kemm maċ-Chairman kif ukoll mall-membri kollha tal-kunsill.

Fi stqarrija separata iċ-Chairman tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali Nevise Borg Caligari, ċaħdet l-akkużi kollha fi-konfront tagħha u saħqet li ma għandha l-ebda konflitt ta’ interess. Sostniet li dejjem ħadmet biex teduka lin-nies u tagħti spazji lill-għaqdiet kollha tal-annimali. L-iskop tax-xogħol tagħha huwa dak li minnu jgawdu kull tip ta’ annimali.