Lokali

Armar tal-Festa ta’ Santa Elena jimblokka aċċess għal bankina fejn ATM

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) b’dispjaċir tinnota n-nuqqas ta’ koperazzjoni mit-tmexxija tal-Kolleġġjata ta’ Santa Elena f’ Birkirkara li qed iwassal biex armar tal-festa jimblokka l-aċċess għal bankina għal persuni li jużaw il-wheelchair.

Is-CRPD ġiet infurmata li fi Triq is-Santwarju, f’Birkirkara biswit il-Bażilika ta’ Santa Elena ġie armat anġlu fuq kolonna eżatt quddiem rampa li toffri aċċess għall-bankina u għal ATM. Il-Compliance Unit tal-Kummissjoni minnufih ikkuntattja lil membri tal-kleru responsabbli mill-festa li minnnaħa tagħhom irreżistew kull tibdil li seta’ jwassal għal soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.

L-unika konċessjoni offruta kienet dik li l-armar partikolari ikun l-ewwel wieħed li jitneħħa l-għada tal-festa, xi ħaġa li s-CRPD ma tistax taċċettha, għar-raġuni li d-dritt għall-aċċess hekk kif stipulat fil-liġijiet Maltin ma jistgħax jiġi sospiż għal ġimgħa b’rispett lejn anġlu tal-kartapesta!

Wara r-rifjut tal-kleru Elenjan, il-Kummissjoni għamlet rapport l-Għassa ta’ Birkirkara fejn ġie spjegat kif l-armar qiegħed jostakola l-aċċess liberu għal persuni li jużaw il-wheelchair u ntalbet azzjoni immedjata sabiex titranġa s-sitwazzjoni.

Il-Kummissjoni tħares ‘il quddiem li tikkollabora mal-entitajiet kollha involuti fl-armar tal-festi sabiex jinstabu soluzzjoniet li jiggarantixxu d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità b’rispett lejn it-tradizzjonijiet Maltin.