Internazzjonali

Inkwiet dwar ċaqliq ta’ refuġjati fil-Libja

L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) hi mħassba dwar id-destin ta’ madwar 2,000 refuġjat li kienu sfurzati biex jitilqu mill-kamp tagħhom fil-kapitali Libjana Tripli.

L-eżodu sfurzat – li sar xi jiem ilu u li kien żvelat proprju llum — kien xprunat minn membri ta’ milizzja Libjana; b’kelliema għall-UNHCR, itennu li talanqas 370 familja li ġejjin mill-belt ta’ Tawergha, kellhom jitilqu minn djarhom fil-kamp ta’ Triq al-Matar.

Sar magħruf ukoll li l-milizzja ‘arrestat’ xi 100 eksresident ta’ Tawergha, bl-aġenzija tan-NU anki qed tinkwieta dwar ir-refuġjati f’kampijiet oħrajn fi Tripli li wkoll qegħdin jissugraw li jispiċċaw evakwati bil-forza.

Il-Libja ilha mifnija bil-kaos minn wara r-rewwixta storika tal-2011 li fiha krolla r-reġim tal-eksdittatur, Muammar Gaddafi.

Il-pajjiż, issa, hu maqsum bejn żewġ Gvernijiet li t-tnejn huma dipendenti fuq numru ta’ milizzji rivali. Il-milizzja ta’ Misrata, li hi l-grupp armat dominanti fi Tripli, qed twaħħal fil-Libjani ta’ Tawergha bħala ‘eks-alleati u kollaboraturi’ tar-reġim ta’ Gaddafi.