Lokali

L-AĠ jopponi li l-Qorti tisma’ b’urġenza r-Rikors Kostituzzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal kopja tal-Inkjesta

L-Avukat Ġenerali Peter Grech

L-Avukat Ġenerali ma jridx li l-Qorti tiddeċiedi b’urġenza r-Rikors Kostituzzjonali li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, iżda jrid li jiddeċiedi hu biss. Dan wara li wieġeb li m’hemmx urġenza biex il-Qorti tisma’ r-Rikors Kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni biex jagħtih kopja sħiħa tal-atti tal-Inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.

B’hekk, jekk il-Qorti tagħti raġun lill-Oppożizzjoni, ikun intilef ħafna aktar żmien li qatt ma jista’ jiġi rkuprat. L-Avukat Ġenerali jrid li jiddeċiedi kollox hu, iżda mhu qatt lest jerfa’ r-responsabbiltà meta jonqos.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Avukat Ġenerali qed jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u issa żbilanċja ruħu b’mod sfaċċat favur il-Gvern għax il-Qorti ma tistax treġġa’ l-arloġġ lura u l-gwadann politiku jkun ittieħed.

Dwar id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-Inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li din tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li qed toħloq żbilanċ politku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

L-iżbilanċ politiku li qed joħloq l-Avukat Ġenerali, meta jippersisti li ma jagħtix kopja sħiħa tal-Inkjesta, tmur kontra l-prinċipju tat-trasparenza u l-interess nazzjonali. U bid-deċiżjoni tiegħu, l-Avukat Ġenerali qed jostakola wkoll il-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-Liġi.

Dan meta n-nuqqas ta’ aċċess għar-rapport sħiħ tal-Inkjesta qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni biex ikun jista’ jaqdi dmirijietu.

L-istqarrija ħarġet hekk kif l-Avukat Ġenerali Peter Grech qed jibqa’ jippersisti li ma jgħaddix l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Oppożizzjoni anke wara r-rikors kostituzzjonali li ressaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-Ġimgħa li għaddiet.

Dan hekk kif l-Avukat Ġenerali ressaq rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili jargumenta dwar it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex ir-rikors imressaaq minnu jinstema’ b’urġenza.

Dwar dan, fuq Twitter, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kiteb li l-pożizzjoni li qed jieħu l-Avukat Ġenerali hi theddida għad-demokrazija.

Fir-rikors, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien talab sabiex b’mod immedjat l-Avukat Ġenerali jgħaddi kopja sħiħa tar-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali.

Il-bażi legali li tressqet hi marbuta ma’ ksur tad-drittijiet protetti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem, u l-Kostituzzjoni ta’ Malta – partikolarment l-artikli tal-liġi marbuta mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u l-libertà tal-espressjoni.

Adrian Delia li hu wkoll il-Kelliem tal-Partit Nazjonalista għall-Governanza Tajba ressaq dan ir-rikors wara diversi talbiet u wara li fetaħ protest ġudizjarju, bl-Avukat Ġenerali baqa’ ma ppubblikax l-inkjesta sħiħa.