Lokali

FILMAT: Il-Hephaestus jinqala’ minn mal-blat u jittieħed lejn tarzna fil-Marsa

Il-Hephaestus, il-vapur li fl-10 ta’ Frar li għadda kien inkalja fil-Qawra, fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Fra Ben, beda l-vjaġġ tiegħu lejn it-tarzna ta’ Cassar, fil-Marsa.

Fil-post inġabru diversi persuni, li kif jixhdu dawn il-filmati saħansitra dehru jxejru lil dan il-bastiment f’tislima lil dak li kien sar simbolu tal-inħawi ta’ Fra Ben u attrazzjoni popolari ma’ diversi residenti u turisti.

Il-proċess biex dan il-bastiment jitneħħa miż-żona ilu għaddej għall-aħħar jiem, fost diffikultajiet li kienu jinkludu wkoll il-maltemp tal-aħħar sigħat.

Il-proċess xejn ma kien faċli, anke għaliex il-Haphaestus għandu ħsara konsiderevoli fil-qiegħ tiegħu bit-toqob li kellhom jingħalqu biex seta’ jitwaqqaf mill-ġdid waqt li żewġ tug boats marbuta miegħu bi ħbula u ktajjen assistewh fil-vjaġġ.

Dan il-proċess sar taħt għajnejn uffiċjali esperti ta’ ħidmiet simili, kif ukoll Transport Malta, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Fi stqarrija, Transport Malta nnutat li kien hemm mumenti ta’ tensjoni hekk kif il-bastiment reġa’ weħel wara li ċċaqlaq għal ftit ċentimetri, għalkemm il-ħila tal-kaptani tat-tugboats rnexxielhom jikkordinaw b’mod perfett biex jibdlu l-angolu tal-vapur.

Il-bastiment issa se jinżamm fit-tarzna ta’ Cassar, b’mod sikur, sakemm jitlestew il-proċessi li għaddejjin dwaru, b’mod speċjali dak b’rabta mal-assikurazzjoni.

Ikun hawn li imbagħad jingħataw struzzjonijiet dwar x’se jkun il-futur tal-bastiment.

Il-baħar qawwi fil-jum tal-festa ta’ San Pawl Nawfragu kien wassal biex il-vapur tal-bunkering reġistrat it-Togo u li kien marbut qrib is-Sikka l-Bajda nqata’ mill-irbit tiegħu u nġarr lejn ix-xatt fejn inkalja max-xatt tal-Qawra.

Abbord il-vapur kien hemm seba’ baħrin li mallu dan il-bastiment ħabat mal-blat qabżu l-baħar u telgħu x-xatt. Fost l-ewwel li taw l-assistenza kien hemm il-membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar li marru fil-post b’erba’ vetturi u l-ekwipaġġ biex ipprovdew ħwejjeġ u kutri lil seba’ persuni li kienu abbord.

Waqt li l-kaptan sofra ġrieħi ħfief fi spalltu, fortunatament ħadd mis-sitt baħrin l-oħra li kienu abbord ma sofrew xi ġrieħi, għalkemm wara l-inċident sar magħruf li dawn kien ilhom xhur ma jitħallsu.

Matul l-aħħar xhur saret ukoll ħidma biex ikun żgurat li ma jkunx hemm tniġġis tal-bajja, hekk kif il-bastiment kien fih madwar 4 metri kubi ta’ fjuwil.

Dan l-inċident kien wassal ukoll biex kien ingħalaq kull aċċess, kemm mill-baħar kif ukoll fuq l-art għal diż-żona fil-Qawra bħala prekawzjoni.

Il-kumpanija tal-assigurazzjoni li tkopri l-bastiment se tkun qed tagħmel tajjeb għall-ispejjeż involuti.