Lokali

FILMAT: “L-immigranti kienu ilhom aktar minn 24 siegħa qrib Malta” – Watch the Med

Aġġornata –

Iddaħħal f’Malta grupp ieħor ta’ immigranti, li jammonta għal 35 u li jsegwi l-wasla ta’ 141 oħra li kienu abbord l-MV Aquarius ftit tas-sigħat qabel.

Kienu l-immigranti li għamlu kuntatt ma’ Watch the Med, li hi għaqda mhux governattiva stabbilita fil-Ġermanja, fejn talbu għall-assistenza.

Din l-għaqda għandha l-għan li ssegwi l-imwiet u ksur tad-drittijiet umani tal-immigranti fiż-żoni li jaqgħu taħt l-Unjoni Ewropea u l-madwar.

Dwar dan tkellimna ma’ Camino Thom minn din l-għaqda. Huwa qalilna li ġew infurmati lbieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar. Huwa infurmana li d-dgħajsa ma kelliex apparat ta’ komunikazzjoni, u din kienet ta’ problema kbira.

Jgħid li kien iktar minn 24 siegħa qabel iddaħħlu f’Malta li l-immigranti kienu qrib iż-żona ta’ Malta u sar kuntatt mal-awtoritajiet Maltin.

Huwa qalilna li Watch The Med għamlu kuntatt ma’ ‘The Mediterranean Comminaction Rescue Centre’ wkoll, iżda l-kuntat dam biex isir għal numru ta’ sigħat wara. Infatti l-NGO għamlet mezz biex iżomm kuntatt mal-immigranti abbord. Tohm stqarr magħna li l-Awtoritajiet Maltin għall-bidu dam mhux ħażin biex iwieġbu u jagħtu l-assistenza li kienet meħtieġa, iżda mbagħad huwa stqarr magħna li la darba bdiet l-operazzjoni, l-awtoritajiet ikkordinaw u ħadmu b’delikatezza u professjonalità kbira.

Finalment l-immigranti dehru qrib Filfla u kien hawn li l-Forzi Armati ta’ Malta bagħtu ħelikopter u żewġ patrol boats biex jassistu d-dħul tal-immigranti lejn il-bażi marittima militari f’Xatt it-Tiben fil-Floriana.

Ritratti ta’ Matthew Tabone.