Futbol Sport

Ir-rivalitá ta’ Madrid terġa’ tiġġedded illum fis-Super Cup Ewropea

Illejla fil-Lillekula Stadium f’Tallinn l-Estonja, tintlagħab il-finali tas-Super Cup Ewropea bejn żewġ rivali Spanjoli. It-tnejn rebħu d-dritt li jilagħbu din il-partita wara li Real Madrid rebħu ċ-Champions League u Atletico Madrid rebħu l-Europa League.

Għal Real Madrid din il-logħba se tfisser uffiċjalment il-bidu ta’ era ġdida wara l-bejgħ ta’ Cristiano Ronaldo lil Juventus, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra Atletico Madrid irnexxielhom iżommu lill-istilla tagħhom Antoine Griezmann.

Hu fatt li bi Cristiano Ronaldo fl-attakk, Real Madrid kellhom wieħed mill-aqwa attakki fl-Ewropa, b’94 gowl skorjat f’La Liga l-istaġun iżda sofrew 44 gowl. Atletico fuq in-naħa huma magħrufa għad-difiża solida tagħhom u għat-tielet sena konsekuttiva kellhom l-aqwa difiża fil-kampjonat Spanjol bi 22 gowl. Iżda huma skorjaw biss 58 gowl.

Iċ-champions Ewropej jittamaw li r-rebħa ta’ 3-1 fil-finali taċ-Champions League kontra Liverpool, tkun kontinwazzjoni ta’ suċċessi hekk kif il-kowċ Julen Lopetegui se jiddebutta f’partita uffiċjali bit-tama li jnissel demm ġdid wara t-tluq ta’ Zinedine Zidane.

Atletico Madrid irnexxielhom jiġbru l-kampanja Ewropea tagħhom wara li kienu eliminati fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League. Iżda r-rebħa dominanti ta’ 3-0 fil-finali tal-Europa League kontra Olympique Marseille uriet li s-saħħa tat-tim tista’ tħabbatha ma’ kull tim fl-Ewropa.

Real Madrid kellhom pre-season pożittiv fejn rebħu tlieta mill-erba’ logħbiet li lagħbu, b’telfa biss ta’ 2-1 kontra Manchester United, filwaqt li Atletico Madrid rebħu biss logħba minn ħamsa, u spiċċaw tnejn draw.

Julen Lopetegui seta’ jaħdem ma’ ħafna mill-plejers Spanjoli fl-iskwadra minħabba l-eliminazzjoni kmieni ta’ Spanja mit-Tazza tad-Dinja filwaqt li plejers importanti bħal Gareth Bale u Karim Benzema tħarrġu kompletament minħabba li ma lagħbux fit-Tazza tad-Dinja.

Plejer li żgur ġibed l-attenzjoni tal-media internazzjonali dwar il-futur tiegħu hu Luka Modric li kien qed jissemma li jista’ jingħaqad ma’ Inter. Minkejja l-interess tal-klabb Taljan, din il-possibbiltà kompliet tonqos mal-ġranet, tant li Modric lagħab kwarta s-Sibt li għadda kontra Milan, u ntgħażel fl-iskwadra għall-partita tal-lum.

Fost l-akkwisti li Real Madrid għamlu, plejer li jista’ jispikka hu Vinicius Junior li ħalla impressjoni tajba fil-pre-season u hu mistenni li jilgħab f’xi parti tal-logħba. Lopetegui jrid jiddeċiedi jekk fil-lasta jkunx preferut l-aħħar akkwist tagħhom Thibaut Courtois jew Keylor Navas.

Atletico Madrid ukoll kienu attivi fis-suq tat-trasferimenti bl-aktar akkwist li spikka jkun ta’ Thomas Lemar għas-somma ta’ €70 miljun mingħand Monaco. Huma akkwistaw ukoll lil Rodri, Gelson Martins, Santiago Arias u Nikola Kalinic. Ħallew lill-klabb Fernando Torres u Gabi Fernandez li ngħaqdu ma’ timijiet fl-Asja.

Il-Franċiżi Antoine Griezmann u Lucas Hernandez irritornaw għat-taħriġ it-Tnejn li għadda, u huma mistennija jibdew minn fuq il-bank, filwaqt li Lemar qata’ l-vaganzi b’ġimagħtejn biex jidħol aktar mat-tim.

Ir-referee se jkun Marciniak

Ir-referee Szymon Marciniak se jikkontrolla l-partita tal-lum. Il-Pollakk ta’ 37 sena ilu referee internazzjonali mill-2011, u kkontrolla total ta’ 58 logħba fosthom erba’ partiti fl-aħħar edizzjoni taċ-Champions League.

Fl-istaġun li għadda hu kien ir-raba’ uffiċjal tal-finali tal-UEFA Europa League bejn Atletico Madrid u Olympique Marseille, filwaqt li kien fl-istess kariga fir-rebħa ta’ Real Madrid kontra Sevilla fis-Super Cup Ewropea tal-2016.

Statistika

Din se tkun l-ewwel logħba bejniethom fis-Super Cup Ewropea.

Real Madrid qed ifittxu li jsiru l-ewwel tim li jirbaħ din il-kompetizzjoni għal tliet snin konsekuttivi, u b’rebħa llum jilħqu lil Milan u Barcelona bħala l-aktar timijiet li rebħu l-kompetizzjoni.

Atletico Madrid qatt ma tilfu f’din il-kompetizzjoni wara li rebħu fiż-żewġ logħbiet lagħbu fl-2010 u fl-2012.

Jirbaħ min jirbaħ din se tkun il-ħames sena konsekuttiva li t-trofew se jintrebaħ minn tim Spanjol.

Is-Super Cup Ewropea se tintlagħab għas-seba’ darba bejn żewġ klabbs tal-istess pajjiż.

Din se tkun l-għaxar darba li ż-żewġ timijiet se jiltaqgħu f’kompetizzjoni Ewropea, bl-aktar tnejn li jispikkaw ikunu l-finali taċ-Champions League fl-2014 u fl-2016 li t-tnejn kienu mirbuħa minn Real Madrid.