Lokali

Adrian Delia jingħata raġun: Ir-rikors kostituzzjonali se jinstema’ b’urġenza

Ir-rikors kostituzzjonali li ppreżenta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex l-Oppożizzjoni tingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja, se jinstema’ b’urġenza.

Il-Qorti, permezz tal-Imħallef Robert Mangion, iddikkjarat dan f’deċiżjoni li ppubblikat u li fiha qalet li l-mertu tar-rikors kostituzzjonali intavolat mill-Kap tal-Oppożizzjoni jimmerita li jiġi trattat b’urġenza.

Dan ifisser li Adrian Delia ngħata raġun – wara jiem sħaħ ta’ oppożizzjoni min-naħa tal-Avukat Ġenerali Peter Grech li fil-jiem li għaddew oppona formalment li l-Qorti tisma’ b’urġenza r-rikors kostituzzjonali tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti innutat li l-liġi stess tgħid li rikorsi kostituzzjonali, bħala regola, huma preżunti ta’ natura urġenti u għandhom jiġu trattati bħala tali.

Mhux talli hekk, iżda talli l-Qorti qalet li ġaladarba l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, fil-kariga tiegħu kostituzzjonali, qed jitlob li l-Qorti tiddikjara li n-nuqqas min-naħa tal-Avukat Ġenerali qed iżommu milli jwettaq id-dmirijiet u l-obbligi tiegħu, il-Qorti ma tarax li tista’ serenament tasal għall-konklużjoni li l-kwistjoni msemmija fir-rikors kostituzzjonali mhijiex ta’ natura urġenti.

Agħfas hawn biex tara d-deċiżjoni sħiħa tal-Qorti dwar smigħ b’urġenza

Kien fil-bidu ta’ Awwissu li għadda li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, akkumpanjat minn numru ta’ avukati, preżenta rikors il-Qorti sabiex tinfetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali – bil-qofol ikun it-talba għall-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta sħiħa li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant u l-involviment tal-familja tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

It-talba saret minħabba l-iżbilanċ politiku li nħoloq fil-pajjiż – hekk kif il-Gvern għandu kopja sħiħa tal-inkjesta, filwaqt li l-Oppożizzjoni għandha biss il-konklużjoni mingħajr id-dettalji tal-inkjesta. Dan hu żbilanċ politiku.

Ir-rikors kostituzzjonali għan-nom tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie preżentat mill-avukati Vincent Galea u Joe Giglio, flimkien mal-avukati Andre Portelli, Angelo Micallef, Antonio Depasquale, Errol Cutajar, Janice Chetcuti u Bernard Grech.

Is-smigħ tar-rikors kostituzzjonali mressaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni se jibda nhar it-Tnejn 3 ta’ Settembru li ġej.