Ambjent Lokali

CENTRAL LINK: Il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob iktar informazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob aktar informazzjoni mill-awtoritajiet Maltin dwar il-proġett mlaqqam ‘Central Link’.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet dan f’risposta għal Mistoqsija Parlamentari li saret mill-MEP Francis Zammit Dimech.

Bil-proġett Central Link, parti kbira mil-lokalità ta’ Ħ’Attard se tinqabad bejn żewġ toroq prinċipali u ammont kbir ta’ art, inkluża art agrikola u saqwija, se tispiċċa tinqered flimkien ma’ ħafna siġar.

F’mistoqsija indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea, l-MEP Francis Zammit Dimech staqsa dwar l-impatt ta’ infrastruttura tat-toroq fuq ir-residenti, bdiewa u ċiklisti.

Hu qal li l-proposta għal ‘Central Link Project qed iwassal għal ħafna partijiet interessati li qed iħossu li se jintlaqtu mill-proġett – bħal ma huma residenti li jgħixu fit-toroq milquta, il-bdiewa li għandhom art maġenb dawn it-toroq u ċ-ċiklisti.

Skont Zammit Dimech, dawn qajmu bosta tipi ta’ tħassib dwar il-proċett – tħassib iċċentrati madwar il-fatt li t-traffiku u l-emissjonijiet li jirriżultaw ser jinġiebu eqreb lejn djarhom, meded estensivi ta’ art agrikola se jintużaw għal toroq u s-sikurezza taċ-ċiklisti tista’ tiġi kompromessa. Barra minn hekk, jidher li ma saret ebda valutazzjoni tal-impatt soċjali jew tat-traffiku. Iktar minn hekk, il-partijiet interessati sostnew li huma ma ġewx ikkonsultati.

Quddiem dan kollu, hu staqsa lill-Kummissjoni Ewropea jekk tħossx li l-mod kif dan il-proġett qed jiġi propost jirrifletti l-ispirtu u l-prioritajiet tal-Fond Ewropew li bih se jsir dan il-proġett.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li s-‘Central Link Project’ kien għadu fl-istadju tal-għażla meta ġie ppreżentat u li Jekk il-proġett jintgħażel biex jingħata fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Maltin biex jiżguraw il-konformità mal-leġislazzjoni u l-politika tat-trasport sostenibbli tal-Unjoni Ewropea.

Jirriżulta li jekk il-proġett jitlesta permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewoprea, irid ikun hemm rispett lejn numru ta’ prijoritajiet – fosthom li l-investiment ikun jinkludi l-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent, il-protezzjoni u r-restawr tal-ħamrija u miżuri għat-titjib ta’ sistemi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, fosthom b’livell baxx ta’ storbju.

Fil-jiem li għaddew, il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard approva mazzjoni li topponi l-proġett ‘Central Link’ kif qed jiġi propost mill-Gvern.